Imħallef fl-Afrika ta’ Isfel ikkonkludiet li l-Prosekuturi jistgħu jappellaw mis-sentenza ta’ “ħati ta’ qtil” li ngħata l-atleta Paralimpiku Oscar Pistorius. F’Ottubru, l-atleta mingħajr saqajn kien intbagħat ħames snin ħabs talli spara u qatel lill-għarusa Reeva Steenkamp fid-dar tiegħu s-sena li għaddiet.
Il-Prosekuturi qed ifittxu li Pistorius ikun akkużat bi qtil volontarju u issa l-każ se jmur quddiem il-Qorti Suprema tal-Appell. Huma qed jargumentaw li l-Imħallef Thokozile Masipa interpretat ħażin il-Liġi meta ddeċidiet li Pistorius ma kellux l-intenzjoni li jispara lil Steenkamp.
L-Imħallef Masipa ħabbret id-deċiżjoni dalgħodu fil-Qorti ta’ Pretoria. “Ma nistax ngħid li l-prospetti ta’ suċċess fil-Qorti Suprema tal-Appell huma remoti. Għalhekk, it-talba fil-każ tal-ewwel kap ta’ akkuża hi deċiża favur l-applikant”, qalet l-Imħallef Masipa.
Il-Prosekuturi kienu talbu għal massimu ta’ 15-il sena priġunerija għall-ħtija ta’ qtil u Pistorius qed iservi sentenza ta’ ħames snin ħabs fl-Infermerija tal-Ħabs Kgosi Mampuru fi Pretoria. Hu kien spara u qatel lil Steenkamp fid-dar tiegħu meta qal li ħasibha ħalliel.
Hu mifhum li l-appell mistenni jinstema s-sena d-dieħla.
//= $special ?>