L-istatistika ppubblikata mill-NSO dwar it-tielet kwart tas-sena turi li s-settur pubbliku kien l-akbar kontributur fl-ekonomija, b’terz tat-tkabbir kollu tal-valur miżjud, fatt li issa ilu jirrepeti ruħu għall-aħħar 12-il xahar. Dan jitfa’ dubji serji fuq is-sostenibbiltà tal-istess tkabbir.
Dan jikkuntrasta bis-saħħa ma’ dak li kien seħħ taħt l-amministrazzjoni preċedenti, fejn it-tkabbir ekonomiku kien jigi prinċiparjament mis-settur privat. Huwa ċar li taħt dan il-Gvern, is-settur pubbliku reġa’ qed jieħu post dak privat bħala mutur ekonomiku ewlieni tal-ekonomija.
Fl-analiżi mogħtija mill-NSO dwar il-pagi, hawn ukoll, is-settur pubbliku jerġa’ jiddomina, b’nofs id-dħul jiġi reġistrat fis-settur pubbliku, żieda enormi meta kkunsidrat il-fatt li sal-2012, il-perċentwal ta’ dħul fis-settur pubbliku kien ta’ anqas minn terz. Dan huwa riflessjoni tal-fatt li fl-ewwel 16-il xahar ta’ dan il-Gvern, diġà ddaħħlu jaħdmu mal-4,400 persuna mas-settur pubbliku, b’piż kbir fuq il-finanzi ta’ pajjiżna.
Fl-istess waqt, l-istess stqarrija tal-NSO turi kif setturi oħra komplew għaddejjin minn diffikultajiet, fuq quddiem nett is-settur tal-manifattura, li ċkien b’aktar minn 11%, tnaqqis li huwa ferm preokkupanti għal settur li jħaddem mat-30,000 persuna, u li sal-2012, kien għadu qed jikber b’aktar minn 5%. Dan l-indikatur jorbot mat-tnaqqis qawwi li rajna fl-esportazzjoni u fil-produzzjoni industrijali fl-aħħar sentejn. Bl-istess mod, is-settur agrikolu wkoll kompla jirreġistra tnaqqis.
Finalment, anke fis-settur tal-bejgħ wholesale u tal-bejgħ mill-ħwienet, kien hemm waqa’ sostanzjali tal-kontribut ekonomiku, minn 31% għal 16% meta mqabbel mal-medja fl-2012. Dan huwa rifless ukoll mit-tnaqqis fl-importazzjoni, li jirrifletti domanda aktar baxxa mill-konsumatur lokali u allura tal-kunfidenza attwali fl-ekonomija tal-pajjiż.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jieħu nota tar-realtajiet ta’ madwarna u jaħdem biex ma tkunx imqiegħda f’periklu s-sostenibbiltà tal-ekonomija u l-finanzi ta’ pajjiżna, b’mod li jista’ jkollha effetti negattivi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>