Lokali

Marsi jibda għaddej ġuri fuq attentat ta’ qtil ta’ Libjan – Il-vittma spiċċa b’imsarnu barra wara li qala’ daqqa ta’ sikkina

Libjan li erba’ snin ilu kellu 40 sena, kellu imsarnu barra minn żaqqu wara li qala’ daqqa ta’ sikkina fi ġlieda li seħħet f’appartament fil-Marsa. Is-sikkina li ntużat f’din il-ġlieda baqgħet qatt ma nstabet.

Dan ħareġ mix-xhieda ta’ l-Ispettur Daniel Zammit waqt il-ġuri li beda l-Erbgħa filgħodu quddiem l-Imħallef Michael Mallia fil-konfront ta’ Noel Farrugia, ta’ 35 sena, mill-Marsa u li huwa magħruf bħala “Il-Giża”. Huwa qed jiġi mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Omar Faiz El Sallak, liema reat seħħ fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa stess.
L-Ispettur Daniel Zammit qal li huwa kien infurmat mill-Isptar Mater Dei Hospital li kien hemm persuna mitluqa barra d-Dipartiment tal-Emerġenza.

“ Jien mort l-isptar u sibt il-vittma, raġel ta’ nazzjonalita’ Libjana u li dan kien ilu Malta għal diversi snin. Huwa kien fuq “stretcher” b’imsarnu barra. Għall-ewwel kien beda jsibha bi tqila li jkellimni, iżda wara qallu li kellu argument ma’ Noel “Il-Giża” fuq droga u fuq mara u li kien qala’ daqqa ta’ sikkina f’appartament fil-Marsa.
Ftit wara huwa ddaħħal biex jiġi operat u għalhekk jien u l-kollegi tiegħi morna l-Marsa nfittxu lil Farrugia,” qal l-Ispettur Zammit. Marru fl-appartament u sabu l-bieb imbexxaq. Dak il-ħin, qal l-Ispettur, irrealiżżaw li l-bieb kien għadu kemm jinħasel pero kien għad hemm xi qtar ta’ demm ma’ l-art, fuq il-“cupboard” tal-kċina u demm ma’ purtiera.
Il-Pulizija rnexxielha ssib lil Farrugia ftit tal-jiem wara l-inċident, bis-sikkina li ntużat fir-reat tibqa’ ma tinstab qatt. Meta kien interrogat jumejn wara l-inċident, Farrugia ammetta li kien hu li ta d-daqqa ta’ sikkina, iżda l-Avukat tiegħu Edward Gatt kien qal lill-Pulizija li l-klijent tiegħu kien ammetta l-akkużi minħbba li dak il-ħin li ta l-istqarrija kien taħt l-influwenza tad-droga, u ma kien jaf x’qiegħed jagħmel.
Farrugia kien qal lil Pulizija li el Sallak ried id-droga kokaina bla ħlas u kien għalhekk li qamet il-ġlieda. Xehed ukoll it-tabib Karl Refalo, li eżamina lil el Sallak , fil-lejl tal-inċident, u qal li huwa seta’ jara l-imsaren tal-Libjan imdendlin il-barra miż-żaqq.
Qal li din kienet ferita serja u kellu jiġi operat mill-ewwel. Noel Farrugia magħruf bħal “Il-Giża” qed jiġi akkużat li fit-22 ta’ Lulju tal-2010 fl-appartament tiegħu stess ta daqqa ta’ sikkina fuq Omar Faiz El Sallak.
Il-Libjan li llum għandu 44 sena, kien ittieħed l-isptar Mater Dei u tqiegħed fit-Taqsima tal-Kura Intensiva jiġġieled għal ħajtu. Huwa qed jiġi mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu strument li jaqta’ bil-ponta waqt li wettaq ir-reat.
Għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo filwaqt li l-Avukati Kevin Valletta u Vincienne Vella qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali.