Il-ħolma tal-partiti politiċi għandha tkun li pajjiżna jkollu persuni b’diżabbilta’ eletti fil-Parlament. Dan għaliex ħadd ħlief il-persuni b’diżabbilta’ ma jistgħu jiddeċiedu u jieħdu deċiżjonijiet li jwettqu bidla għall-aħjar f’ħajjtihom jekk mhux il-persuni b’diżabbilta’ stess.
Qal dan il-kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza l-Parlament tal-Persuni b’Diżabbilta’ li ta’ kull sena jkun organizzat mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilta’.
Simon Busuttil fisser il-qasam tad-diżabbilta’ bħala wieħed li fih hemm ħafna kunsens politiku. Qal li anke’ fl-aħħar baġit kien hemm passi pożittivi ‘l quddiem. Madankollu qal li baqa’ ħafna xi jsir bħal fl-edukazzjoni u x-xogħol. F’dawn is-setturi sar pass kbir ‘il quddiem imma persuni b’diżabilta’ għadom mhux integrati totalment fis-soċjeta’.
Qal li għandha tkompli ssir ħidma biex persuni b’diżabbilta’ jkomplu jgħixu fis-soċjeta’, mal-familja u għandha tkun il-familja li tiiġi mgħejuna biex tkun tista’ tgħin qarib b’diżabbilta’. “L-istat għandu jintervjeni meta d-diffikultajiet huma kbar u ta’ piż qawwi fuq il-familja,” sostna Simon Busuttil.
Hu appella biex il-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li ġiet iffirmata sentejn ilu tiddaħħal fis-seħħ u sostna li hu jittama li tiġi diskussa u tiddaħħal fis-seħħ malajr il-proposta tal-Oppożizzjoni li tiġi rikonixxuta d-diskriminazzjoni kontra l-persuni b’diżabbilta’ fil-liġi Maltija.
Finalment Simon Busuttil appella biex il-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabbilta’ jkun indipendenti. Anke’ dwar dan l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni fil-Parlament.
Minn naħa tal-Oppożizzjoni, preżenti għal dan il-Parlament kien hemm ukoll il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri u Joe Cassar, kif ukoll il-Membru Parlamentari Ewropew Therese Comodini Cachia.
//= $special ?>