Żagħażugħ bi problema tad-droga nżamm taħt arrest preventiv wara li tressaq il-Qorti u wieġeb mhux ħati li seraq “handbag” ta’ mara anzjana u wara ipprova jiġbed il-flus mill-ATM permezz tal-“card” tagħha.
Clifton Attard ta’ 24 sena mill-Imsida, ġie mixli quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia li ħataf il-handbag ta’ Carmela Apap fil-Gżira nhar it-Tnejn filgħaxija, li kkaġunalha ġrieħi ħfief u li pprova jiġbed il-flus mill-kont tagħha 20 minuta wara li aggrediha.
L-Ispettur James Grech qal fil-Qorti li kien hemm xhud li ra l-inċident kollu u ta d-dettalji kollha lill-Pulizija fuq il-ħalliel, għax inzerta jafu. Qal li anke filmati mis-CCTV tal-istess ATM qabdet lill-ħalliel.
Il-Prosekutur qal li Attard għandu problema ta’ droga anke jekk hu huwa nadif mid-droga bħalissa. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri għamlu talba għal liberta’ proviżorja fejn argumentaw li l-Prosekuzzjoni messha ġabet ix-xhieda tagħha l-Qorti fl-ewwel seduta.
Madankollu l-Maġistrat Farrugia qal li meta wieħed jieħu nkunsiderazzzjoni tal-gravita’ tar-reat u l-kondotta xejn nadifa tiegħu, u l-fatt li huwa persuna mhux ta’ min jafdaha hemm il-biża li l-provi jistgħu jiġu kontaminati. Jonathan Ransley mexxa l-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>