Is-servizz fil-qasam tas-Saħħa għandu jiffoka aktar fuq is-servizz ta’ riabilitazzjoni għax aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-popolazzjoni ta’ pajjiżna qed issir aktar anzjana. Dan ifisser li l-fatt li l-anzjani qed jgħixu aktar, jiġi effetwat is-servizz tas-Saħħa, li jista’ jiġi ndirizzat billi jinbidlu l-livell u t-tip ta’ kura offruti.
Spjega dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar Karin Grech. Claudio Grech qal li fil-Baġit 2015, il-Gvern ma allokax biżżejjed fondi biex jintlaħqu l-aspettattivi fil-qasam ta’ riabilitazzjoni. Hu elenka tliet punti li l-Gvern għandu jindirizza biex is-servizz ta’ riabilitazzjoni jingħata wkoll fuq perjodu fit-tul.
L-ewwel punt hu li €500,000 f’fondi għal dan il-qasam mhumiex biżżejjed. It-tieni punt hu biex is-servizz ta’ riabilitazzjoni ma jkunx offrut biss fl-Isptar Karin Grech għax il-pazjenti qed ikomplu jiżdiedu, l-aktar dawk anzjani. U hemm jidħol ukoll it-tielet punt, jiġifieri li r-riabilitazzjoni taħdem anke fil-komunità u mhux biss fl-isptarijiet.
Claudio Grech qal li l-iskop taż-żjara tiegħu fl-Isptar Karin Grech kienet biex issir enfasi li l-problemi fis-settur tas-Saħħa jinsabu l-aktar barra mill-Isptar Mater Dei. Dan filwaqt li rrefera għall-fatt li dan l-aħħar reġa’ hemm influss ta’ nies fil-kurituri tal-Isptar ewlieni ta’ pajjiżna.
//= $special ?>