Il-Prim Ministru Joseph Muscat, aktar minn tliet ġimgħat wara l-isparatura tax-xufier ta’ Ministru tiegħu, qed toħroġ dejjem aktar id-dgħufija tiegħu. Mill-kabinett rekord li għamel wara l-elezzjoni – li kien ftaħar bil-mod bombastiku tiegħu li kellu jkun l-aqwa kabinett fl-istorja ta’ Malta – diġà spiċċaw ħamsa.
Gvern li ddeġenera mmexxi minn Prim Ministru ċass quddiem l-abbużi
Tnejn mill-Ministri li spiċċaw tahom daqqa ta’ sieq ‘il fuq, kif jgħidu l-Ingliżi. Imma tliet Ministri ta’ Muscat spiċċaw f’ċirkostanzi li juru li f’Joseph Muscat hemm differenza kbira bejn il-kliem bombastiku tiegħu u r-realtà ta’ Gvern li ddeġenera – Gvern immexxi minn Prim Ministru ċass quddiem l-abbużi ta’ sħabu li jtihom hu stess ir-riħ fl-atmosfera li ħoloq Muscat tax-xejn mhu xejn.
Telagħlhom għal rashom
Li l-Ministri ta’ Muscat telagħlhom għal rashom u jippretendu li jistgħu jagħmlu li jridu hu fatt magħruf minn kulħadd u kkritikat l-aktar minn personalitajiet li jikkummentaw fil-media u li issa qed jaraw kemm ipprova jqarraq bihom Muscat qabel l-elezzjoni bil-paroli tiegħu. Li Manuel Mallia kien każ klassiku tal-gideb li hu timbru kbir tal-Gvern ta’ Muscat deher mill-bidu nett.
Joseph Muscat ta r-riħ lill-gideb kontinwu tal-Gvern tiegħu
Joseph Muscat ta r-riħ lil Manuel Mallia jbigħ passaporti sigrieti – għax hekk kien se jkun il-bejgħ taċ-ċittadinanza qabel il-kampanja qawwija tal-Oppożizzjoni biex l-iskema nbidlet u tneħħiet is-segretezza. Muscat ta r-riħ lil Manuel Mallia jaħbi b’mod mill-agħar informazzjoni li l-Parlament u l-pubbliku għandhom kull dritt għaliha. Joseph Muscat ta r-riħ lil Manuel Mallia jigdeb fil-wiċċ meta kien mistoqsi minn fejn ġab in-nofs miljun ewro li kellu taħt is-saqqu. Jekk Muscat ħalla lil Mallia jagħmel dan kollu, x’kien qed jistenna li jiġri meta x-xufier tiegħu spara fuq in-nies?
Prim Ministru li spiċċa dahru mal-ħajt
Il-fatt li għandna Prim Ministru bla awtorità fuq il-kabinett tiegħu stess joħroġ anke mill-mod kif spiċċa Manuel Mallia. Li ma kienx għall-Oppożizzjoni, kieku Manuel Mallia għadu Ministru. Il-Prim Ministru ddefenda lil Manuel Mallia b’kull mod. Kien biss minħabba li l-media tal-Partit Nazzjonalista bdiet toħroġ l-informazzjoni dwar il-gideb tal-Gvern fuq l-isparatura li Joseph Muscat spiċċa dahru mal-ħajt.
Joseph Muscat bla awtorità fuq il-kabinett tiegħu stess
U meta ġie bilfors irid jagħmel dak li messu għamel tliet ġimgħat qabel, Joseph Muscat kompla joħroġ id-dgħufija kbira tiegħu. Ried li Manuel Mallia jirriżenja minn jeddu, imma Manuel Mallia rrifjuta. U Joseph Muscat, dgħajjef u ċass, kellu joqgħod jistenna r-riżenja li qatt ma waslet. Ir-riħ li ta lil Manuel Mallia fil-21 xahar ta’ qabel ġie lura kollu f’wiċċ Muscat li deher kemm tilef kull awtorità fuq il-kabinett tiegħu.
Manuel Mallia hu biss sintomu ta’ marda ferm aktar fonda
Manuel Mallia issa spiċċa, imma mhux b’raj Muscat. Anzi, Manuel Mallia hu biss sintomu ta’ marda ferm aktar fonda: Gvern li ddeġenera fil-gideb – anke tal-Prim Ministru stess dwar riżenja fuq il-power station: Gvern li ddeġenera fl-abbuż ta’ flus il-poplu fl-atmosfera tan-nies tal-qalba jaħtfu kemm jifilħu; u Gvern li ddeġenera fl-atmosfera tax-xejn mhux xejn li issa bdiet trewwaħ, anke f’każi quddiem il-Qrati, intejjen ta’ ħmieġ.