Lokali

FILMAT (1): Il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija Michael Cassar: “Irrid nagħti direzzjoni ġdida lill-Korp biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja ta’ kulħadd”

Fil-Korp tal-Pulizija trid terġa’ tiddaħħal id-dixxiplina u kull membru jrid ikun impenjat li jagħraf l-importanza li qiegħed fil-Korp mhux biex jisserva bil-Korp, iżda biex ikun leali lejn il-ġurament li ħa u jservi b’impenn lill-istess Korp. Mill-bqija min jipprova jisserva bil-Korp, dan mhux postu hemm.

Il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija Michael Cassar, f’intervista ma’ MaltaRightNow, qal li hu jrid jagħti direzzjoni ġdida lill-Korp tal-Pulizija, li sfortunatament illum għaddej minn problemi serji u jeħtieġ li l-membri kollha jaħdmu bis-serjetà ħalli l-Korp jerġa’ jikseb il-fiduċja ta’ kulħadd.

Michael Cassar qal li dan l-impenn ġdid għalih se jkun qed jidħol għalih b’ħafna enerġija u entużjażmu. “Jien se nagħmel il-parti kollha tiegħi, iżda miegħi jridu jiġbdu ħabel wieħed ukoll kemm il-Pulizija kollha, kif ukoll il-Fizzjali kollha. Flimkien irridu naħdmu ħafna biex il-Korp jerġa’ jakkwista l-fiduċja tan-nies” għax b’hekk jiġu r-riżultati.

Il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija qal li l-problema li qed jiffaċja l-Korp illum hi li rridu ndaħħlu mill-ġdid id-dixxiplina li hemm bżonn. Ma jistax ikollna s-suċċessi li nixtiequ jekk fil-Korp ma jkollniex id-dixxiplina li għandna bżonn.

Min hu fil-Korp u min għadu jidħol fil-Korp irid jifhem li jinsab fil-Korp mhux biex jisserva hu, iżda biex kull persuna tagħti s-sehem sħiħ tagħha ħalli sservi l-Korp u tkun leali lejn il-ġurament li tkun ħadet.

Aktar aġġoramenti dwar din l-intervista mal-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija Michael Cassar, fil-ħin li ġej.