Lokali

FILMAT (4): Il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija Michael Cassar: Dwar il-ftehim sigriet minn wara l-Fizzjali tal-Korp, “trid tinstab soluzzjoni b’diskussjoni mal-partijiet”

Fl-aħħar silta tal-intervista ma’ MaltaRightNow.com, il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija Michael Cassar qal li l-kwistjoni dwar il-ftehim sigriet li sar minn wara dahar il-membri tal-Korp tal-Pulizija trid tkun risolta b’diskussjoni ġenwina bejn il-partijiet kollha biex tinstab soluzzjoni ġusta.

Mistoqsi dwar din l-Addendum, li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija (MPA) spiċċat biex ressqet każ dwaru quddiem il-Qorti, Michael Cassar spjega li diġà kellu l-opportunità jisma’ l-argumenti b’rabta ma’ dan. Hu qal li hemm argumenti mill-aktar validi miż-żewġ naħat.

“Madankollu, nemmen li għandhom isiru xi forma ta’ diskussjonijiet mal-partijiet biex l-affarijiet ikunu risolti. Dan mhux biex jintlaħaq xi forma ta’ kompromess għax fil-Pulizija ma rrid l-ebda forma ta’ kompromessi, iżda biex jinstab ftehim ġust.

“Irid ikun hemm sistema ta’ checks and balances. Irridu nsibu l-aħjar sistema biex immexxu l-affarijiet ‘il quddiem ħalli fl-istess waqt ikun hemm lok għal checks and balances. Min ħareġ b’din l-idea ħaseb li kienet idea tajba, filwaqt li ħaddieħor ma qabilx u fehem li din is-sistema tista’ tintuża’ b’mod ħażin. Irridu nsibu t-triq tan-nofs”.

L-intervista sħiħa mal-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija se tkun ippubblikata fil-ħarġa tal-Ħadd li ġej ta’ Il-Mument.