Lokali

Filmat: Iċ-Chairperson tal-Air Malta tgiddeb lil Deborah Schembri

Waqt programm fuq Radio 101, ippreżenta minn David Thake, ċ-chairperson tal-Air Malta, Maria Micallef giddbet lil Deborah Schembri wara li d-Deputat Laburista stess qalet li hija normali li membri tal-Parlament jingħataw upgrade minn Economy Class għal Business Class b’xejn.

Fil-blog tagħha, Daphne Caruana Galizia rrapurtat li d-Deputat Laburista Deborah Schembri kienet fuq titjira tal-Airmalta u hemmhekk iltaqgħet ma’ Norman Hamilton, l-ambaxxatur ta’ Malta f’Londra. Waqt il-vjagg, Norman Hamilton, minn jeddu, stieden lil Deborah Schembri biex mill-Economy class, tmur ħdejh fil-Business Class.

Wara dan, il-prezentatur ċempel lil Deborah Schembri u meta staqsewha ghaliex marret Business Class meta hi kienet ħallset ta’ Economy, hi qalet li kien il-purser u mhux Norman Hamilton li stieden lilha biex tmur Business Class, minħabba li kien hemm xi seats vojta. Hi qalet ukoll li hi xi ħaġa normali li membri Parlamentari jingħataw dan l-upgrade.

Wara t-telefoanta ma’ Deborah Schembri, il-prezentatur ċempel liċ-chairperson tal-Air Malta, Maria Micallef u staqsewha dwar dan il-kaz. Iċ-chairperson qalet li mhux prattika normali li membri Parlamenteri li jkunu qed jivjaggaw Economy Class fuq l-Air Malta, jingħataw upgrade b’xejn biex jivjaġġaw Business Class. Din l-upgrade tista’ ssir biss jekk jkun hemm awtorizzazzjoni bil-miktub mill-uffiċċju taċ-chairperson.

Il-prezentaturi ma waqfux hemm, u minħabba li Deborah Schembri qalet li d-Deputati kemm-il darba jingħata upgrade b’xejn, David Thake ċempel lid-Deputati u Eks Ministri Censu Galea u George Pullicino u staqsewhom jekk hux huma qatt gew offruti dan l-upgrade. Huma wiegbu li qatt ħadd ma offrielhom biex waqt it-titjira joqgħodu fil-Business Class, anke meta kien hemm ħafna postijiet vojta.