Futbol Sport

Gowl għall-iStrina ikbar minn qatt qabel

Is-sitt edizzjoni ta’ Gowl għall-iStrina mistennja tkun ikbar minn qatt qabel hekk kif għall-ewwel darba se tkun qed tiġbor fiha s-sehem tat-tliet programmi sportivi ewlenin f’pajjiżna; Replay (Net Television), L-Argument (ONE Television) u Kontrattakk (PBS).

B’differenza mis-snin preċidenti, din id-darba Gowl għall-iStrina se ssir nhar it-Tlieta 23 ta’ Diċembru fil-Luxol Grounds, bis-sehem tal-klabbs kollha f’Malta, kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, tfal tan-nurseries u saħansitra rappreżentanza Għawdxija.

Id-dettalji kollha dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena ingħataw waqt konferenza stampa indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo, fil-presenza tal-fundatur ta’ Gowl għall-iStrina kif ukoll producer u presentatur ta’ Replay Christian Micallef, Antvin Monseigneur minn ONE Television, Peter Cossai minn PBS, Maria Mifsud mill-futbol tan-nisa u d-deputat segretarju tal-MFA Rodney Pisani.

Vassallo spjega kif dan l-avveniment kellu l-bidu tiegħu f’Diċembru tal-2009 permezz ta’ ħolma li kellhom l-aħwa George u Christian Micallef u llum kiber tant li qed jinvolvi lill-komunita’ tal-futbol kollha f’Malta. Hu spjega li din is-sena t-tournament se jkun differenti mis-snin ta’ qabel peress li se jintlgħab 5-a-side, kull klabb f’Malta se jkollu rappreżentanza ta’ żewġ plejers kull wieħed u b’kollox se jkun hemm 12-il tim kompost minn rappreżentanti tal-klabbs kollha f’Malta, iġifieri mill-Kampjonat Premier sat-tielet diviżjoni, u erba’ klabbs oħra li se jkunu komposti kif ġej: tim kompost mill-ħaddiema tal-MFA, tim kompost mit-tim ta’ Replay, L-Argument u Kontrattakk, tim tal-Għaqda Ġurnalisti Sport u tim kompost minn uffiċjali tal-istanding committees f’diviżjonijiet kollha f’pajjiżna. Il-logħob se jibda fl-4pm u l-finali tintlgħab fid-9:30pm. Il-partiti se jkunu qed jiġu ikkontrollati minn referess tal-MFA.

Intant fil-ground il-kbir, għal ħabta tas-5:45pm se tkun qed tintlgħab partita bejn it-tim tal-iSkola Nazzjonali tal-iSport, li l-Kap tagħha hu l-fundatur ta’ din l-attivita’ Ġorg Micallef, u selezzjoni ta’ plejers żgħar minn Għawdex. It-tim tal-iSkola Nazzjonali tal-iSport se jkun qed jitmexxa minn Paul Zammit u Stefan Sultana.

Christian Micallef tkellem fuq is-solidarjeta’ u l-għaqda li ġġib magħha din l-attivita’ tant li din is-sena l-programmi sportivi kollha f’pajjiżna inġabru flimkien għal għan nobbli. Hu fakkar kif il-fundaturi ta’ din l-attivita’ kienu Replay u Net Television u kif minn attivita’ li bdiet bħala ħolma fl-2009, illum saret attivita’ nazzjonali u l-akbar attivita’ ta’ futbol għall-iStrina.

Il-pubbliku hu mħeġġeġ sabiex jattendi u jagħti d-donazzjoni tiegħu fil-ġurnata sabiex din is-sena tinġabar somma sabiħa, possibilment ikbar mis-sena li għaddiet. L-organizzaturi xtaqu jirringrazzjaw lill-Familja Vella li qed tieħu ħsieb li tipprovdi l-flokkijiet lill-parteċipanti kollha kif ukoll lil dawk kollha li qed joffru l-għajnuna tagħhom fis-sitt sena ta’ Gowl għall-iStrina 2014.