Lokali Parlament Saħħa

Ikomplu jiżdiedu l-każi soċjali f’Mater Dei

Il-Gvern jibqa’ jirrifjuta li jippubblika l-Hospital Activity Report

In-numru ta’ pazjenti long term fl-Isptar Mater Dei bejn Ġunju u Settembru żdied minn 64 għal 90.

Jirriżulta minn informazzjoni li ta l-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa, Konrad Mizzi, li n-numru ta’ pazjenti long term li kienu jinsabu fl-Isptar Mater Dei fl-aħħar ta’ Ġunju kien ta’ 64; fl-aħħar ta’ Lulju 50; fl-aħħar ta’ Awwissu telgħu għal 82; u sal-aħħar ta’ Settembru l-każijiet komplew jiżdiedu għal 90.

Il-problema tal-każijiet ta’ pazjenti li jdumu għal żmien twil fl-Isptar Mater Dei, u li staqsa dwarha fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, tirrifletti wkoll fuq is-stwazzjoni preżenti ta’ pazjenti fuq strechers fl-Isptar Mater Dei.

Fl-istess perjodu bejn Ġunju u Settembru, il-pazjenti li tħallew jistennew fuq stretcher fis-sala tal-osservazzjoni jew f’xi parti oħra tal-Isptar Mater Dei, kien ta’ 169. F’Ġunju kien hemm 37 pazjent, f’Awwissu 43 u fix-xahar ta’ Settembru li għadda kien hemm 89 li tħallew fuq strecher.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru Konrad Mizzi għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, Kelliem dwar is-Saħħa, li fid-dibattitu dwar il-Baġit kien tkellem dwar il-problema tal-iffullar tal-pazjenti fl-Isptar Mater Dei u semma kif għadna naraw pazjenti li ma jirċivux il-kura meħtieġa b’dinjità. Kien semma wkoll li hemm madwar 100 każ soċjali fl-Isptar Mater Dei, u fisser li l-proposta ta’ investiment f’binja oħra biex jiżdiedu s-sodod mhix is-soluzzjoni għall-problema tal-pazjenti fil-kuruduri tal-Isptar.

Għal mistoqsija oħra ta’ Claudio Grech, il-Ministru Mizzi reġa’ irrifjuta li jippubblika l-Hospital Activity Report tal-Isptar Mater Dei għax-xhur ta’ Ġunju u Settembru 2014, fuq ir-raġuni li l-informazzjoni hi kummercjalment sensittiva.

Din il-pożizzjoni li qed jibqa’ jieħu l-Gvern li ma jippubblikax dan ir-rapport b’rabta max-xogħol li jsir fl-Isptar Mater Dei, tikkuntrasta mal-prassi tal-amministrazzjoni preċedenti li ma kien isib ebda oġġezzjoni li jippubblika r-rapport li tippreżenta analiżi dettaljata tax-xogħol li jsir mingħajr ma qatt ingħatat l-informazzjoni fuq il-pazjenti.