Internazzjonali

IL-KOREA TA’ FUQ: Qed jeliminaw lin-nies b’diżabbiltà

Nies li rnexxielhom jaħarbu mill-Korea ta’ Fuq qalu li l-awtoritajiet f’dan il-pajjiż kienu qed jeliminaw lin-nies b’diżabbiltà fiżika jew mentali.
Skont wieħed minnhom, l-awtoritajiet jikkunsidraw lin-nies b’diżabbiltà bħala “umiljazzjoni” għall-pajjiż.
Id-dittatura fil-Korea ta’ Fuq issostni li fil-pajjiż m’hemmx nies b’diżabbiltà u li “kulħadd indaqs u jgħix tajjeb”.
Fi Frar, Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti qalet li kienet semgħet allegazzjonijiet ta’ esperimenti fuq nies b’diżabbiltà imma ma setgħetx iġġib konferma ta’ dak li kien qed jiġri fil-Korea ta’ Fuq.
Fi studju separat li sar fl-2013 mis-Citizens’ Alliance on North Korean Human Rights, madwar 40 fil-mija ta’ dawk li ħarbu qalu li jemmnu li tfal b’diżabbiltà kienu nqatlu mill-awtoritajiet u 43 fil-mija qalu li kienu semgħu bi gżira fejn kienu jintbagħtu dawk b’diżabbiltà. Xi wħud minnhom qalu li nies b’diżabbiltà kienu qed jintużaw biex jippruvaw l-armi kimiċi u bijoloġiċi fuqhom apparti esperimenti brutali oħra.

Aktar fil-ħarġa ta’ għada ta’ IN-NAZZJON