Ir-rapport li ġie “mgħoddi” mill-Gvern lill-gazzetta bl-Ingliż marbut ma’ dak li l-Ministru qed jallega li hemm serje ta’ kunflitti ta’ interessi qawwija f’kumitat maħtur mill-Gvern stess, hija konferma oħra tal-proċess ivvizzjat rigward il-liċenzja ta’ casino ġdid f’Malta.
Dragonara Gaming Limited f’korrispondenza dwar artiklu li deher f’gazzetta bil-lingwa Ingliża fil-5 ta’ Diċembru li għadda u anki b’reazzjoni għad-dikjarazzjoni li saret fil-Parlament minn Chris Cardona, il-Minisru tal-Ekonomija, Investiment u n-Negozji ż-Żgħar, fissret li l-aħħar żvilupp f’din il-farsa kienet il-konferma li l-proċess ta’ evalwazzjoni ġie mogħti d-dehra ta’ proċedura uffiċjali li l-għan prinċipali tiegħu kien li jasal għal konklużjoni li ried jasal għaliha l-Gvern mill-bidu nett ta’ dan il-proċess.
Dragonara Gaming Limited ma taċċettax dawn l-iskużi patetiċi u l-attentati mhux kredibbli għall-aħħar mill-Ministru biex jipprova jiġġustifika l-interventi tiegħu biex ixolji l-kumitat li kien iffurmat biex jevalwa l-aħjar possibiltajiet. L-istess kumpanija tixtieq tagħmel dawn il-punti li ġejjin:
1) L-ewwelnett il-membri kollha ta’ dan il-kumitat, li aħna qed nassumu li ġew magħżula minħabba l-kompetenza tagħhom fis-suġġett, ġew appuntati mill-Ministru u/jew mill-Bord tal-Privatizzazjoni.
Aħna qed nassumu li dawn il-membri ġew magħżula wara li saret ċertu evalwazzjoni u ċertu ħsieb. Allura ma tagħmilx sens u mhux kredibbli l-fatt li l-Ministru kellu jxolji dan il-kumitat minħabba l-fatt li skont kif qed jallega hu, kellu ċertu dubji dwar il-kompetenza ta’ uħud mill-membri ta’ dan il-kumitat.
Iktar minn hekk, mill-proċeduri tal-qorti, ħareġ il-fatt li l-membri kollha ta’ dan il-kumitat magħżula mill-Ministeru u mill-Bord ta’ Privatizzazjoni, iffirmaw dikjarazzjoni li huma m’għandhom l-ebda kunflitt ta’ interess.
Il-ħin ta’ meta l-Ministru intervjena personalment għandu jingħata ċertu importanza u għandu jiġi nnutat. Issa huwa fatt magħruf li l-“Valencia report” (kif inhu magħruf issa) kien ippreparat, approvat u ffirmat qabel l-intervent tal-Ministru. Allura l-Ministru intervjena u xolja l-kumitat għaliex b’xi mod sar jaf li l-konklużjonijiet li wasal għalihom dan il-kumitat ma kinux dawk li ried il-Gvern.
2) Nitrattaw issa l-allegati kunflitti ta’ interess. Il-fatt li membru ta’ dan il-kumitat (maħtur direttament mill-Gvern) u l-mara ta’ membru ieħor (li wkoll ġie maħtur direttament mill-Gvern) fis-snin ta’ qabel kienu diretturi tal-bord tal- “Lotteries and Gaming Authority (LGA) hu fatt li jista’ jwassal għall-kunflitt ta’ interess, hija skuża oħra patetika u banali biex jixteħet dell u dubju u joħloq kontroversja għalxejn.
Il-permess li ingħata lill-casino ta’ Dragonara fl-2010 kien ibbażat fuq “l-aħjar offerta”, liema offerta ingħatat f’envelops issiġġillati li ġew miftuħa u l-kontenut ġie moqri fil-pubbliku quddiem uffiċjali tal-Gvern u persuni interessati, ġew diskussi u wara ingħata l-permess; żgur li dan ma kienx proċess ta’ nuqqas ta’ trasperanza li ġie deċiż b’mod sigriet u b’xi intervent dirett mill-Ministeru konċernat.
3) Ħaġa oħra li titfa’ dubju inutli hi d-dikjarazzjoni tal-Ministru Cardona li wieħed mill-membri tal-kumitat (maħtur mill-Gvern innifsu) għandu kumpanija ta’ konsultazzjoni maniġerjali li tipprovdi s-servizzi tagħha lil Malta International Airport plc, fejn il-membri tal-familja Bianchi b’mod indirett permezz ta’ żewġ kumpaniji għandhom xi ishma.
Dawn il-membri tal-familja Bianchi m’għandhom l-ebda dritt li jkunu involuti fit-tmexxija tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, iżda qegħdin fl-istess pożizzjoni tas-6500 ruħ oħra li għandhom l-ishma fl-MIA. Il-poziżżjoni komuni li jħaddnu dawn in-nies hi kkwotata permezz tal-Malta Stock Exchange.
Li huwa ironiku huwa l-fatt li l-Gvern għandu 20 fil-mija tal-ishma tal-MIA u dawn jiggarantixxu post fil-bord u dan jagħmel l-istqarrija tal-Ministru li l-membri tal-familja Bianchi għandhom kunflitt ta’ interess, waħda li mhux ta’ min jeħodha daqstant bis-serjeta’.
Is-serjeta’ tal-allegazzjoni tkompli tikber bil-fatt li l-Ministru issa qed jitfa’ f’dubju r-reputazzjoni ta’ waħda mill-kumpaniji l-iktar serji b’rekord impekkabbli fit-tmexxija u li minnha l-gvern għandu ħafna x’jitgħallem.
4) Il-membri tal-familja Bianchi li ssemmew b’isimhom, dawk kollha li għandhom l-ishma fid-Dragonara Gaming Ltd, flimkien mad-diretturi tal-istess kumpanija, jiddikjaraw kartegorikament li huma ma jafux lil Jesmond Pace, Kevin Fenech u Roberta Fenech u qatt ma ltaqgħu ma’ xi ħadd minn dawn il-persuni ħlief meta saret il-preżentazzjoni uffiċjali tad-Dragonara Gaming Ltd. lill-kumitat. Jiddikjaraw ukoll li qatt ma għamlu xi tip ta’ negozju magħhom u jinnegaw b’mod kategoriku li għandhom jew jista’ jkollhom xi forma ta’ kunflitt ta’ interess ma’ dawn il-persuni.
5) Għall-kuntrarju ta’ dak li allega l-Ministru b’tant konvinzjoni, il-Gvern ma ingħatax raġun fil-qorti. Il-Ministru Cardona bħala avukat jaf li l-allegazzjoni li għamel hu ma tirriflettix l-affarijiet kif inhuma, għalhekk din l-allegazzjoni kienet attenatat ieħor biex jitgħawġu l-fatti.
Il-qorti ma aċċettatx it-talba ta’ Dragonara Gaming Limited biex isir mandat, għaliex il-qorti ħasset li dan il-mandat ma kienx “neċessarju” biex l-affarijiet isiru kif suppost fil-konfront tal-kumpanija. Għaldaqstant il-qorti ma dehrilhiex li Dragonara għandha d-dritt biex tipproteġi lilha nnifisha
“Tqis għalhekk li safejn Dragonara qiegħda titlob il-ħarsien ta’ dawn l-elementi tal-jedd mad-daqqa t’għajn huwa sodisfatt,” u l-qorti għamlitha ċara li l-Gvern m’għandu l-ebda dritt li jagħmel dak li jogħġob lilu, “dan jgħodd ukoll għal min iqis li n-nuqqas ta’ ħruġ tal-mandat ikun xi assoluzzjoni ġenerali li jista’ jagħmel li jogħġbu jew li dak li sar ma jistax ikun mistħarreġ mill-ġdid fis-sediu fi proċediment xieraq”. Dan huwa messaġġ ċar u ta’ twiddiba lill-Gvern. X’messaġġ iktar ċar minn hekk qed jistenna l-Gvern biex jaġixxi kif suppost?
6) Il-verita’ kollha hi li meta b’xi mod il-Ministru sar jaf bid-deċiżjonijiet ċari u b’nuqqas ta’ ambigwita’ li wasal għalihom il-kumitat immexxi mill-imħallef irtirat Valencia, hu għażel li jxolji l-kumitat u jwarrab ix-xogħol kollu u r-rapport li għamel bħal donnhom qatt m’eżistew.
Din hija r-raġuni għala l-Ministru waqt il-proċeduri tal-qorti li bdiet id-Dragonara qatt ma qal li l-kumitat hekk imsejjaħ Valencia ġie xolt u qatt ma ta spjegazzjoni għalfejn hu jsostni li r-rapport Valencia ma jeżistix (meta filfatt dan jeżisti) u għaliex oġġezzjona biex tinstema’ l-verzjoni tal-imħallef Valencia.
7) Issa nafu li r-rapport tal-kumitat immexxi minn Valencia jeżisti u grazzi għal ċertu ġurnaliżmu investigattiv nafu l-konklużjonijiet tiegħu ukoll. F’dan ir-rapport il-konklużjoni ċara kienet li Dragonara Gaming Limited tefgħu l-aħjar proposta u kienu r-rebbieħa assoluti f’dan il-“kuntest”
L-attentati biex dawn il-fatti jiġu miċħuda anke miċ-Chairman tal-Bord tal-Privatizzazjoni tal-Gvern waqt ix-xhieda tiegħu fil-qorti (u din il-ħaġa tiġi msemmija meta jkun il-waqt), komplew iservu bħala prova ta’ proċess ivvizzjat. Jekk kien hemm bżonn provi bħal dawn wara kollox. Meta jasal il-waqt li r-rapport Valencia jiġi ppubblikat, aħna m’għandna l-ebda dubju li ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma.
Dragonara Gaming Ltd qed tirriserva d-drittijiet tagħha kollha skont il-liġi u tappella lill-Gvern biex jaġixxi b’mod ġust ħalli finalment ir-riżultat ta’ dan il-proċess ikun wieħed trasparenti u ġust għar-reputazzjoni tar-Repubblika ta’ Malta bħala post fejn wieħed jista’ jagħmel xi tip ta’ negozju speċjalment fejn tidħol l-industrija tal-“Gaming” li tikkontribwixxi għal iktar minn 10 fil-mija tal-prodott gross domestiku ta’ Malta.
//= $special ?>