Il-fatt li l-Gvern naqas milli jraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel meta l-prezz internazzjonali taż-żejt roħos sew qed iwassal biex il-familji Maltin u Għawdxin qed ikollhom iħallsu mijiet ta’ ewro aktar fis-sena. Dettalji dwar il-mod kif il-Gvern qed jonqos milli jraħħas il-prezzijiet biex jiġu jirriflettu dawk internazzjonali kienu elenkati f’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Tonio Fenech, mill-Kelliem għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullino u mill-Kandidat Nazzjonalista Ryan Mercieca.
Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino qal li l-Gvern qed jipprova jinħeba wara l-istqarrijiet biex jaħbi l-fatt li li qed jisraq lill-poplu ammonti sostanzjali minn fuq kull litru petrol u diesel. Hu sfida lill-Gvern biex jippubblika l-kuntratti li inxtara bihom iż-żejt ħalli jkunu jistgħu jsiru l-paraguni mal-prezzijiet li qed jinbigħ lill-konsumatur. Kompla li l-Gvern qed jagħmel qligħ esaġerat mill-petrol u d-diesel biex jaħbi s-sitwazzjoni finanzjarja li qed tirriżulta fl-Enemalta.
Jirriżulta li dalgħodu stess il-prezz taż-żejt kien ta’ $64.4 kull barmil meta f’Ottubru 2009 dan kien $70 dollaru kull barmil. F’Ottubru 2009, il-konsumaturi kienu jħallsu €1.10 għall-petrol u 96ċ għad-diesel, filwaqt li llum il-konsumatur qed iħallas €1.44 għall-petrol u €1.35 għad-diesel. Dan juri d-differenza ta’ 39ċ għal kull litru diesel u 33ċ għall-petrol fuq dak li l-konusmtaur kien iħallas fl-2009. George Pullicino qal li dawn il-fatti juru li l-poplu qed jinsteraq b’mod stabbli kontinwament fil-prezzijiet tal-petrol unleaded u d-diesel.
Il-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech għamel diversi paraguni mas-sitwazzjoni fl-Unjoni Ewropea, fejn jirriżulta li meta titneħħa t-taxxa li l-Gvern jimponi fuq il-prezz totali tal-fuels, il-prezz tal-petrol hu 25ċ ogħla mill-pajjiżi Ewropej l-oħrajn u hu għalhekk l-ogħla fl-Ewropa. Dwar id-diesel, qal li s-siwtazzjoni tinsab ukoll fl-istess livell biex b’hekk jirriżulta li l-Gvern qed jisraq bejn 25ċ u 30ċ kull litru minn fuq il-konsumaturi.
Tonio Fenech tratta l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel kif suppost kellhom jinżlu f’Novembru li għadda u qal li l-petrol kellu jinżel minn €1.44 għal €1.16, filwaqt li d-diesel kellu jinżel minn €1.36 għal €1.09.
Min-naħa tiegħu, il-Kandidat Nazzjonalista Ryan Mercieca qal li dawn il-fatti juru kemm dan hu Gvern b’żewġt uċuħ, li mhux biss qed jisraq lill-poplu bil-prezzijiet esaġerati tal-petrol u d-diesel, iżda żied il-liċenzji tal-karrozzi bi €13 u daħħal taxxa fuq it-tyres tal-karrozzi.
//= $special ?>