Is-servizz fil-qasam tas-saħħa għandu jiffoka aktar fuq is-servizz ta’ riabilitazzjoni għaliex aktar ma jgħaddi ż-żmien il-popolazzjoni ta’ pajjiżna qed issir aktar anzjana.
Jiġifieri peress li l-anzjani qed jgħixu aktar ikun hemm effett fuq is-servizz tas-saħħa u dan jista’ jiġi ndirizzat billi l-livell u t-tip ta’ kura offruti jinbidlu.
Spjega dan il-kelliem għas-saħħa, tal-Oppożizzjoni, Claudio Grech, waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-isptar Karen Grech.
Claudio Grech qal li fil-baġit għas-sena d-dieħla l-gvern ma allokax biżejjed fondi biex jintlaħqu l-aspettattivi fil-qasam ta’ riabilitazzjoni.
Hawnhekk Claudio Grech elenka tlett punti li l-gvern għandu jindirizza biex is-servizz ta’ riabilitazzjoni jingħata anke fuq perjodu fit-tul. L-ewwel punt hu li €500,000 f’fondi għal dan il-qasam mhux biżejjed. It-tieni punt hu biex is-servizz ta’ riabilitazzjoni ma jkunx offrut biss fl-Isptar Karen Grech għaliex il-pazjenti qed ikomplu jiżdiedu, l-aktar dawk anzjani. U hemm fejn jidħol it-tielet punt, dak li r-riabilitazzjoni taħdem anke fil-komunita’ u mhux biss fl-isptarijiet.
Claudio Grech qal li l-iskop taż-żjara tiegħu fl-isptar Karen Grech kienet biex issir enfasi li l-problemi fis-settur tas-saħħa jinsabu l-aktar barra mill-isptar Mater Dei. Dan filwaqt li rrefera għal fatt li dan l-aħħar reġa’ hemm influss ta’ nies fil-kuriduri tal-Isptar Meter Dei.
Waqt din l-istess konferenza tal-aħbarijiet Caludio Grech kien mistoqsi dwar id-direttivi maħruġa l-Erbgħa mill-Union Ħaddiema Magħqudin għall-professjonisti fil-qasam tas-saħħa. Id-direttivi kienu maħruġa peress li l-Gvern baqa’ ma impjegax 90 student li ggradwaw f’dixxiplini varji. Dwarhom Claudio Grech qal li ma jagħmilx sens li tħalli lil dan it-talent ġdid jinħela għal xhur sħaħ mingħajr ebda ħjiel meta se jiġu msejjħa għax-xogħol. Claudio Grech qal li hemm ħtieġa għal dawn il-professjonisti u xhieda ta’ dan hu li hemm lista ta’ stennija ta’ bejn tlieta u erba’ xhur għal appuntament għal dawn is-servizzi.
Id-direttivi li nħarġu mill-UHM huma ndirizzatai lil dawk li jaħdmu fl-isptar Sir Paul Boffa, San Vincenz de Paul, f’Mater Dei, fl-isptar Karen Grech u diversi dipartimenti oħra fl-isptarijiet bħal dawk tad-dentistrija, l-fiżjoterapisti, l-ispeċjalisti tas-saqajn u għal dawk li jaħdmu fil-qasam tar-radjografija u għall-kliniċi fl-iskejjel. Id-direttivi jinkludu li ma jwieġbux it-telefon u mezzi ta’ komunikazzjoni oħrajn, work to rule, ma jarawx każi ġodda, u ma jdurux is-swali.
Claudio Grech tkellem wkoll dwar il-kwistjoni li l-gvern irid jiprivatizza ċ-Ċentri tas-Saħħa. Grech qal li l-gvern baqa’ ma qal xejn dwar il-privatizazzjoni taċ-ċentri tas-saħħa filwaqt li qal li l-Oppożizzjoni hi kontra li dawn iċ-ċentri jiġu pprivatizzati biex tissolva xi problema fis-settur tas-saħħa. Claudio Grech kompla jispjega li l-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jagħti ċertu ċertezza dwar il-pjanijet tiegħu. Fakkar wkoll kif il-Partit Nazzjonalista hu favur li jsiru agreements mal-privat biex is-servizz tas-saħħa jitiebu grazzi wkoll għall-faċilitajit ttal-privat filwaqt li semma’ kif il-MAM u l-MUMN huma kontra li ċ-ċentru tas-saħħa jkunu privatizzati.
//= $special ?>