Lokali Parlament

Jonqsu l-kriterji biex pulizija jiddaħħlu lura fil-Korp

Fost il-kriterji mibdula hemm dik li persuna ħatja ta’ offiża kriminali tista’ tidħol fil-Korp jekk l-offiża ma tkunx serja

Il-Gvern naqqas il-kriterji li kienu stabbiliti għall-eks-pulizija li jkunu jridu jerġgħu jidħlu fil-Korp tal-Pulizija. Sal-elezzjoni li għaddew, kien hemm disa’ kriterji stabbiliti li sa Novembru li għadda niżlu għal ħamsa. Il-Gvern illum żamm biss tlieta kif kienu qabel, u tnejn oħra emendahom.

Fuq talba tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, Kelliem għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, il-Prim Ministru kien mitlub iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti l-kriterji li kien hemm qabel, u wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2013 li l-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika (PAHRO) jimxi fuqhom biex tiddeċiedi jekk tapprovax re-instatements fil-Korp tal-Pulizija.

Jirriżulta li mid-disa’ kriterji li kien hemm, inżammu biss tlieta kif kienu fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti; żewġ kriterjji nbidlu u l-erbgħa l-oħra tneħħew għal kollox u ma baqgħux jiġu applikati minn dan il-Gvern.

It-tliet kriterji li nżammu kienu li l-persuna trid tkun f’kundizzjoni medika b’saħħitha; ma tkunx instabet ħatja ta’ proċeduri serji ta’ dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku; u li ma kinitx suġġetta għal aktar minn każ wieħed f’sena ta’ passi dixxiplinarji interni u li ma kellhiex aktar minn għaxar każi ta’ dixxiplina matul is-servizz kollu tagħha.

Dan il-Gvern bidel żewġ kriterji li għandhom ukoll sinifikat fit-tifsira tagħhom, iżda li jwasslu għal attitudni b’komma aktar wiesgħa biex jiddaħħlu eks-pulizija lura fil-Korp. Il-Gvern żied l-età ta’ dawk li jkunu jridu jerġgħu jidħlu fil-Korp mill-età ta’ taħt il-50 sena għal taħt it-58 sena.

Emenda oħra saret fil-kriterju li kien jitkellem ċar li l-persuna li tidħol lura fil-Korp ma tridx tkun instabet ħatja ta’ offiża kriminali, u li issa nbidlet għal offiża serja.

Dan il-Gvern neħħa għal kollox il-kriterji li persuna ma tridx tkun ilha li telqet mill-Korp aktar minn 10 snin biex terġa’ tidħol lura fis-servizz; li persuna ma tkunx ħadet aktar minn 24 ġurnata sick leave kull sena – ġranet li jeskludu meta persuna tweġġa’ waqt xogħol, meta tkun qed tirċievi kura fi sptar u sick leave li jwassal biex persuna tkun dikjarata li mhix aktar tajba għax-xogħol u tkun boarded out; li ma jkollhiex il-pensjoni ta’ 25 sena servizz jew jgħaddu ħames snin minn meta tkun irtirat wara 25 sena servizz; u li persuna ma tistax tkun re-instated għat-tieni darba fil-Korp.

F’Ottubru li għadda, il-Gvern kien ikkonferma f’mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li sa dak iż-żmien kienu diġà daħlu 30 eks-uffiċjali tal-Pulizija li kienu rriżenjaw jew spiċċaw mill-Korp aktar minn 15-il sena ilu. Minn dawn it-30, kien hemm tliet eks-uffiċjali tal-Korp li kienu rriżenjaw minħabba raġunijiet ta’ saħħa u li dak iż-żmien ma kinux tajba għax-xogħol.

Fost dawk li ddaħħlu lura fil-Korp bejn Marzu u Ottubru ta’ din is-sena, kien hemm tlieta li rriżenzjaw fl-1986 – aktar minn 25 sena ilu.