Lokali

“Seren m’Alla daqs il-bambin” – Ray Zammit

L-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit qed jilmenta li t-tneħħija tiegħu ma kinitx ġusta, u li hu m’għamel xejn ħażin fil-kwistjoni tal-isparatura.

Il-kummenti ta’ Zammit kienu pubblikati illum fit-Times, fejn l-eks Kummissarju jikser is-silenzju. Ray Zammit insista li hu se jibqa’ jservi għaliex iħobb il-Korp tal-Pulizija u sostna, li hu seren m’Alla daqs il-bambin.

Se nibqa’ nservi għaliex inħobb il-Korp

Zammit kompla, “X’għamilt ħażin? Ordnajt inkjesta, bagħat uffiċjali fuq ix-xena tar-reat, għidtilhom isejjħu l-Maġistrat, u għidtilhom biex ma jmissu xejn.” Hu saħaq li f’39 sena dejjem serva għall-ġid tas-soċjeta’.

Zammit, li inżamm fil-kariga l-antika tiegħu ta’ Deputat Kummissarju, ilbieraħ beda jagħti handover lill-Kummissarju l-ġdid Michael Cassar.