Lokali Parlament

Vetturi bla arja kundizzjonata għax-xhur tax-xitwa

F’Novembru li għadda Transport Malta ħarġet permess temporanju fuq talba tal-Malta Public Transport Services għal għaxar vetturi li mhumiex mgħammra bis-sistema ta’ arja kundizzjonata fuq is-servizz tat-trasport pubbliku.

Dan ikkonfermah il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi, fil-Parlament meta wieġeb mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina.

Din l-eżenzjoni temporanja mill-kuntratt, qal il-Ministru Mizzi, intalbet sabiex l-operatur ikun jista’ jagħmel użu aħjar mir-riżorsi tiegħu. Fid-deċizjoni tagħha, Transport Malta ħadet inkonsiderazzjoni li din l-eżenzjoni ntalbet għax-xhur tax-xitwa.

Il-Ministru Mizzi, li meta l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni tant kien jikkritika t-tmexxija tas-servizz tat-trasport pubbliku mmexxi mill-kumpanija Arriva li taħt dan il-Gvern qatgħet qalba hu ma komplietx tħaddem is-servizz, żied ukoll fit-tweġiba li ta, li din mhix l-ewwel darba li l-operatur tat-trasport pubbliku talab għal tali eżenzjoni. Semma li Transport Malta approvat talbiet simili fl-2012, fl-2013 u fit-2014.