Lokali Qorti

Aġġornata: Paul Sheehan jingħata l-libertà proviżorja

Il-Kuntistabbli Paul Sheehan, ix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja, qalet li kienet rat it-talba għall-ħelsien mill-arrest u r-risposta tal-Avukat Ġenerali biex laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest preventiv.

Il-libertà proviżorja, b’depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000, ingħatatlu fuq numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom li ma jitlaqx mill-pajjiż, li ma jitkellimx max-xhieda jew xi membru fil-Korp tal-Pulizija, li ma jagħmel l-ebda reat ieħor, li jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema u li ma joħroġx mid-dar bejn id-9pm u s-7am.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja qal li fid-dawl ta’ dak kollu li sema’ fiż-żewġ seduti tal-kumpilazzjoni, isib biżżejjed provi biex jagħlaq il-kumpilazzjoni u jibgħat l-atti kollha għand l-Avukat Ġenerali. Il-każ ikompli fl-20 ta’ Jannar li ġej.

Segwi x’ħareġ mix-xhieda tal-Assistent Kummissarju Sandro Zarb u ta’ James Calleja.