Lokali

Unur fis-social media għal MPS Marketing

L-aġenzija tal-Marketing MPS rebħet il-premju għall-aħjar kampanja fuq is-social media waqt ir-raba’ edizzjoni tal-“eBiz Awards” organizzati mill-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA). MPS kienet nominata f’isem il-PBS wara kampanja fuq l-internet dwar il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovision Song Contest 2014 li sar fid-Danimarka. Din il-kampanja diġitali laħqet 63 pajjiż u ffukat speċifikament fuq Facebook, Twitter u YouTube.

Waqt l-għoti tal-unur għall-kumpanija MPS, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija li tmexxi x-xandir tal-Istat Anton Attard iddeskriva l-kampanja bħala waħda ta’ suċċess kbir għax laħqet l-għanijiet tagħha b’mira li jkunu indirizzati pajjiżi speċifiċi. Is-selfie contest kienet waħda mit-tattiċi ta’ suċċess li rnexxew fil-kampanja, tant li laħqet il-35,000 unique views. B’kollox kien hemm 500 persuna li pparteċipaw fil-kompetizzjoni u li kienu segwiti minn aktar minn 100 miljun persuna minn madwar id-dinja.

Dan il-premju kien suċċess ieħor importanti miksub minn MPS bħala waħda mill-kumpaniji ewlenin fl-industrija tal-Marketing u l-Komunikazzjoni. Anchovy Digital, li hi sieħba fl-MPS, kienet ukoll nominata għal dan l-istess unur.