Internazzjonali

Xiri bla kontroll tal-avorju

Diversi konservazzjonisti qed isostnu li l-qtil tal-iljunfanti Afrikani u l-kummerċ illegali tal-avorju fiċ-Ċina għaddejjin “bla kontroll” u dawn jistgħu jwasslu għall-estinzjoni ta’ ljunfanti slavaġ.
Kwantitajiet kbar ta’ avorju qed jinbiegħu f’numri dejjem jiżdiedu fi ħwienet fiċ-Ċina, filwaqt li aktar minn 100,000 iljunfant inqatlu bejn l-2010 u l-2012.
Il-gruppi ta’ għarfien Save the Elephants u The Aspinall Foundation qalu li l-prezz bl-ingrossa tan-nejbiet ta’ ljunfant tripla f’erba’ snin mill-2010. It-talba kbira għall-avorju fiċ-Ċina ħolqot negozju ta’ avorju bil-kutrabandu, u dan qed jiżviluppa b’rata mgħaġġla. Dan qed iwassal għall-qtil mhux sostenibbli ta’ ljunfanti fl-Afrika.
Numru ta’ investigaturi minn Save the Elephants u The Aspinall Foundation żaru diversi ħwienet u fabbriki fiċ-Ċina – l-aktar ċentru fejn ikun manifatturat l-avorju – biex qabblu kwantitajiet fuq il-bejgħ u l-ispejjeż.
Huma qalu li kull daqs fil-kummerċ tal-avorju sploda ’l fuq f’dawn l-aħħar snin. Il-prezzijiet tal-avorju wara l-kaċċa u dak maħdum fiċ-Ċina, in-numru ta’ fabbriki liċenzjati għat-tnaqqix, il-ħwienet legali u illegali kif ukoll oġġetti għall-bejgħ – ilkoll splodew.
Sadattant il-piż tal-avorju maħtuf u n-numru ta’ ljunfanti li qed jinqatlu fl-Afrika wkoll żdiedu. Ir-riċerkaturi qalu li prezzijiet ta’ avorju mhux maħdum fiċ-Ċina għolew minn €550 kull kilo fl-2010 għal €1,540 din is-sena.
Gruppi kriminali organizzati u milizzji ribelli qed jużaw il-kaċċa għall-iljunfanti biex minnhom jieħdu n-nejbiet tal-avorju, ħalli jiffinanzjaw rewwixti, u b’hekk idaħħlu miljuni jekk mhux biljuni ta’ ewro.
Ir-rapport ta’ Save the Elephants u The Aspinall Foundation jgħid ukoll li ċ-Ċina qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi kbar fl-infurzar tal-liġi sabiex tikkontrolla l-kummerċ tal-avorju. Dan hekk kif in-numru ta’ negozjanti sinjuri fil-pajjiż li huma interessati biex jixtru l-avorju, qed ikompli jiżdied.
Save the Elephants qed jistma li madwar 33,000 iljunfant spiċċaw vittma tal-kaċċaturi kull sena bejn l-2010 u l-2012.