Mill-elezzjoni ta’ Marzu 2013 sal-1 ta’ Ottubru ta’ din is-sena, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienu impjegati aktar minn 160 persuna, li 58 persuna kienu minn barra s-settur pubbliku.
Dan ikkonfermah il-Prim Ministru Joseph Muscat meta wieġeb mistoqsija tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, li staqsa lill-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, inkluż dipartimenti tal-Gvern, entitajiet pubbliċi u awtoritajiet, bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-1 ta’ Ottubru 2014. Staqsa wkoll kemm minn dawn il-ħaddiema ġew minn entitajiet pubbliċi u kemm ġew mill-privat jew kienu qegħdin ifittxu xogħol.
Mill-informazzjoni li ngħatat fil-Parlament, jirriżulta li mit-58 impjieg ġdid (minn barra s-settur pubbliku) fid-dekasteri li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kien hemm 24 li ġew mill-privat u 34 li kienu qed ifittxu xogħol.
Minn dawk l-34 li kienu qed ifittxu xogħol u li kienu impjegati mas-settur pubbliku taħt id-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, 25 ingħataw impjieg fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA.
Jirriżulta wkoll li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru impjega għaxar ħaddiema b’rabta mal-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth, li disgħa minnhom mhux ġejjin mis-settur pubbliku, fosthom ħamsa li kienu qed ifittxu xogħol.
//= $special ?>