59 persuna, inħatru fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu, jew inkella ngħataw Midalja għal Qadi tar-Repubblika jew għall-Qlubija.
Dan bħala parti miċ-ċerimonja tat-tifkira tal-40 anniversarju minn meta Malta saret Repubblika.
L-għotjiet jinqasmu f’diversi gradi, bl-għola unur huwa dak ta’ Kumpann ta’ Unur fl-Ordni Nazzjonali tal-Metru – titlu li f’kull ħin fl-istorja ta’ Malta jista’ jinżamm biss minn tliet persuni, apparti l-Presidenti Emeriti.
Għal dan l-unur, il-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jinnomina lil Prinċep tal-Għarabja Sawdita, Alwaleed Bin Talal, biljunarju li hu deskritt bħala bniedem influwenti ħafna fid-dinja Għarbija u li “għandu interess speċjali f’Malta”. Il-Gvern iddeskrivieh bħala bniedem li jżomm ir-rabtiet ma’ pajjiżna għoljin fuq l-aġenda tiegħu.
It-tieni grad ta’ unuri fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu, dik ta’ uffiċjal, ingħatat lil tliet Maltin: Anġlu Camilleri, wara mewtu, Alfred Pisani u Patri Marius J Zerafa, filwaqt li Frank G Zarb inħatar bħala Uffiċjal Onorarju, it-tielet grad tal-Ordni.
7 individwi nħattru bħala membri tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu, ir-raba’ grad ta’ unur fl-Ordni. Dawn huma l-Inġinier Marco Cremona, Sammy Galea, Anthony Edward Guillaumier, Maurice Micallef, Immanuel Mifsud, Lilian Sciberras u Alan Tua.
Spikkaw ukoll l-għoti tal-Midalji tar-Repubblika, 10 b’kollox, li ngħataw lil filantropi u Maltin li eċċellaw fil-qasam tagħhom. Għal din is-sena, intgħażlu Maria Attard, Paul P Borg, Andrew Coleiro, Josette Falzon, Patri Alberto Gauci, Alfie Guillaumier, Gejtu Pace, Francis Henry Said, Marc Storace u Kar Vella, wara mewtu.
U b’kollox, kienu 37 il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li ngħataw il-Midalji għal Servizz Distint, għal-hidma tagħhom matul is-sajf li għadda biex isalvaw il-ħajja ta’ mijiet ta’ immigranti li kienu qed jaqsmu l-baħar Mediterran f’temp perikoluż u f’riskju kbir għal ħajjithom.
//= $special ?>