Lokali

Bosta NGO’s jikkundannaw il-fatt li ma’ sar xejn dwar ir-Rapport Valenzia

Diversi għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu biex jgħinu mmigranti li jaslu pajjiżna b’mod irregolari biex isibu kenn, kkundannaw il-fatt kif għal dawn l-aħħar sentejn ħadd ma tkellem jew ħa azzjoni dwar ir-Rapport Valenzia.

Dan ir-rapport ta’ inkjesta kien ġie ordnat biex isir wara l-mewt tal-immigrant Mamadou Kamara. Mewta vjolenti li diversi NGOs qed isostnu li setgħet ġiet evitata.

L-NGOs li qed isostnu dan huma l-Aditus, l-Integra Foundation, il-Kopin, il-Jesuit Refugee Service, il-Kummissjoni f’Malta għall-Immigranti, SOS Malta, il-Migrant’s Network for Equality u l-organizazzjoni For Friendship in Diversity.

Dawn l-għaqdiet qed jgħidu li r-Rapport Valenzia jiddeskrivi b’mod xokkanti l-mod kif Malta titratta lil dawk il-bnedmin, inkluż tfal, li qed jiġru biex isalvaw lilhom nfushom.

Jgħidu wkoll li l-Awtoritajiet Maltin ma jsibux xokkanti dak li hemm fir-rapport li jsemmi fost affarijiet oħra, kif seħħew diversi każi ta’ abbuż sesswali fuq immigranti nisa minn ħaddiema taċ-ċentri tad-detenzjoni.

Dawn it-tmien NGOs jinsabu rrabjata għall-fatt li wara li r-rapport Valenzia tlesta, tħalla fuq l-ixkaffa għal sentejn, eżattament minn Diċembru 2012 filwaqt li l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-immigranti u r-rakkomandazzjonijiet li saru dwar ir-rapport ħadd ma ta kashom.

L-NGO’s qalu wkoll li wara l-mewt tal-immigrant, huma laqgħu l-opportunira’ li flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru jevalwaw it-tmexxija taċ-ċentri ta’ detenzjoni biex id-drittijiet tal-immigranti jkunu konformi mad-drittijiet tal-bniedem.

Għalkemm huma ma qablux mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni kienu lesti jkompli jaħdmu fejn ħallew l-awtoritajiet. Iżda t-tibdil fl-ammiinistrazzjoni s-sena li għaddiet wasslet biex il-proċess tal-evalwazzjoni u d-djalogu mas-soċjeta ċivili twaqqfu.