Lokali

Dokumenti importanti dwar il-ftehim ma’ Shangai Electric Power għadhom ma’ ġewx publikati

Minkejja li aktar kmieni din il-ġimgħa ġie finalizzat il-ftehim bejn il-Gvern Malta u Shangai Electric Power, dokumenti importanti marbuta ma’ dan il-ftehim u mal-proġett tal-Gvern dwar l-enerġija għadhom ma ġewx publikati.

Dan qed isir minkejja li nhar l-Erbgħa fil-bini tal-Parlament se jkun hemm dibattitu dwar dan il-ftehim. Dan qalu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Enerġija George Pullicino waqt il-programm Il-Fatti Kollha, li ixxandar fuq Radio 101 nhar is-Sibt filgħodu.

Fil-fatt, il-ftehim tax-xiri tal-impjant tal-BWSC li tħabbar fis-27 ta’ Novembru ta’ din is-sena għadu ma’ ġiex publikat, flimkien mal-power purchase agreement bejn il-partijiet u s-seven year business plan tal-Enemalta.

Huwa staqsa għalfejn dawn id-dokumenti baqgħu mistura, filwaqt li saħaq ukoll li huwa l-irwol tal-Oppozizzjoni li jifli dawn id-dokumenti u li dan l-atteġġjament min-naħa tal-Gvern huwa wieħed li jqajjem suspetti.

George Pullicino tenna wkoll li il-prezz li bih il-Gvern intrabat li jixtri l-elettriku mill-Electrogas, jiġifieri dak ta’ 9.6ċ għal kull unit huwa ferm aktar minn dak li jiswa li kieku inxtara permezz tal-interconnector. Huwa fakkar ukoll kif bħalissa jista’ jinxtara l-elettriku minn Sqallija għal prezz ta’ 5.2ċ kull unit, prezz li huwa mistenni li jinżel għal madwar 4.2ċ kull unit sas-sena d-dieħla.

Hu tenna li Gvern Nazzjonalista ma’ jqisx ruħu marbut ma’ dan il-ftehim u huwa kommess li jixtri l-elettriku mingħand min ikun qed ibiegħu bl-irħas prezz.