20 ta’ Lulju 2013 – Logħba futbol normali mit-tielet diviżjoni Ġermaniża. F’ħin minnhom, plejer żagħżugħ ta’ 24 sena tat-tim ta’ Stuttgarter Kickers, Daniel Engelbrecht jikkollassa. Sħabu u l-avversarji jiġru lejh. Tim mediku jtih l-ewwel għajnuna u tibda tellieqa mal-ħin lejn l-isptar.
Engelbrecht intab li qed isofri minn infjammazzjoni fil-muskoli ta’ qalbu. Kienet diġa’ saritlu ħsara kbira u permanenti. It-tobba jinfurmawh li fortunat li għadu ħaj.
15 ta’ Novembru 2013 – Minn dakinhar għaddew ħames xhur. Operazzjoni wara l-oħra. B’kollox erba’ operazzjonijiet. Minkejja dan Engelbrecht baqa’ jiġġieled u kien determinat li jirritorna lura għall-futbol minkejja kull parir tat-tobba.
U ċ-ċans għal Engelbrecht wasal nhar il-15 ta’ Novembru, meta rritorna għal-logħob. “Ħsibt li kont se mmut. Ir-ritorn tiegħi nqisu bħala l-ikbar akkwist f’ħajti, rikonoxximent mill-isbaħ tal-ġlieda li rbaħt,” ħabbar Engelbrecht.
Minn Novembru sa llum Engelbrecht lagħab erba’ logħbiet u saħansitra ta rebħa lit-tim tiegħu b’rebħa fl-aħħar minuta kontra SV Wehen Wiesbaden.
Daniel Engelbrecht hu l-ewwel u l-uniku plejer professjonali Ġermaniż li jilgħab b’defibrillator waqt il-futbol; apparat mediku li jibgħat impulsi elettriċi lejn il-qalb.
//= $special ?>

