Il-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi , qegħdin jistiednu lill-familji biex għal darba’oħra jżuru l-Belt Qormija għal-żmien il-Milied. L-attivita’ ‘Għodwa fil-Milied’ se ssir għada, il-Ħadd 14 ta’ Diċembru, 2014 fi Triq San Ġużepp, mid-9.00am sas-13.00pm, eżattament ma ġenb is-Sede tal-Każin Pinto fi Triq San Sebastjan.
Din it-triq u l-partijiet tal-madwar se jinbidlu f’villaġġ tal-Milied li se jolqot il-gosti ta’ kulħadd speċjalment lit-tfal li dan iż-żmien tal-Milied tant huwa għażiż għalihom.
Fost l-attrazzjonijiet waqt din l-attivita’, se jkun hemm fost l-oħrajn Kartolina kbira fejn fiha wieħed jista’ jieħu ritratt ġo fiha u jiffirma. Id-donazzjonjiet minn din il-kartolina se jmorru kollha għall-Comunity Chest Fund u jingħataw fl-ISTRINA 2014. Matul l-attivta’ mhux se jonqos il-kant u żfin mill-palk apposta minn diversi skejjel tal-mużika u żfin u kif ukoll għanjiet tradizzjonali tal-Milied. Se jkun hemm ukoll wirja miftuħa ġewwa s-sede tas-Soċjeta Filarmonika Pinto b’fuħħar u pasturi minn Caltagirone, il-belt magħrufa għax-xogħol tat-terracotta. Fost attrazzjonijiet oħra se jkun hemm ‘Kids Area’ fejn it-tfal se jkollhom l-opportunita’ li jieħdu ritratt ma’ Santa Klaws u jirkbu ġewwa l-Little Fun Bus.
Ma jistax jonqos ukoll bejgħ ta’ prodotti marbutin mal-Milied bħal-mince pies, kannoli, christmas logs, qagħaq tal-għasel, u ħelu ieħor. Se jkun hemm ukoll rokna fejn ikun qiegħed jissajjar il-qastan ġol-fran apposta. Se jsir ukoll bejgħ ta’ ċitru u ponsjetti kif ukoll diversi stands oħra. Ġewwa l-istess triq se jkun hemm għaddej presepju ħaj li jittella’ kultant ħin.
Għalhekk nhar 14 ta’ Diċembru ejjew żuru din l-attivita’ li se tkun attivita’ immirata għall-familja kollha f’dan iż-żmien sabiħ tal-Milied.
//= $special ?>