Internazzjonali

Impenn biex il-karozzi li jaħdmu bid-diesel jispiċċaw minn Pariġi

Is-Sindku ta’ Pariġi qed tħeġġeġ biex, sal-2020, il-karozzi li jimxu bid-diesel jispiċċaw mit-toroq tal-kapitali Franċiża, bħala parti minn inizjattiva biex jonqos it-tniġġiż tal-ajru.

Anne Hidalgo infurmat lill-gazzetta Journal du Dimanche, li trid li l-vetturi tat-tip ‘low emission’ biss jużaw it-toroq prinċipali ta’ Pariġi. Fl-istess ħin, is-Sindku ħeġġet għal aktar pajsaggi fil-kapitali u li jirduppjaw il-lanes għar-roti.

F’Marzu li għadda, l-awtoritajiet f’Pariġi imponew projbizzjoni parzjali għall-vetturi wara li nstab li l-kwalita tal-arja fil-kapitali Franċiża kienet fost l-agħar qatt irrekordjati.

Hidalgo innutat li llum, mas-60 fil-mija tal-Pariġini ‘diġa m’għandhomx il-karozzi privati’. Din il-faxxa partikolari ta’ nies kienet stabbilita madwar l-40 fil-mija, fl-2001, u s-Sindku sostniet li ‘l-bidliet, minn dan l-aspett, qegħdin iseħħu malajr’. Fl-istess ħin, hi qed tippjana, fost oħrajn, biex iżżid il-vannijiet tal-elettriku mal-iskema tal-‘car-sharing’ fil-kapitali Franċiża.