Lokali

Jippużaw ta’ pulizija tad-DIK u jaħbtu fi tliett vetturi f’Paceville

Il-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan qed tinvestiga żewġ każi separati li seħħew fl-aħħar 48 siegħa f’Paceville u li dwarhom nifhmu li hemm persuni jgħinu fl-investigazzjonijiet.
L-ewwel każ seħħ fil-lejl ta’ bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa meta raġel miż-Żejtun u mara mill-Fgura ħabtu ma’ karozza Volvo li kienet ipparkjata fi Triq Ball f’Paceville. Is-sewwieq tagħha kien fil-karozza wasal biex jistarja u jitlaq.

Nifhmu li huma niżlu għalih u ppużaw ta’ Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) u qalulu li jekk jagħtihom €70 ma jirrappurtawx. Hu jidher li ċeda għal dan ir-rikatt u ż-żewġ ‘pulizija’ telqu mill-post bil-karozza li kienu fiha bil-vittma jmur jagħmel rapport fl-Għassa tal-Pulizija.

Dan l-inċident seħħ ftit tal-ħin wara nofsillejl.

Nifhmu li aktar tard fi Triq Wilġa f’Paceville stess il-karozza użata miż-żewġ persuni li kienu qed jippużaw ta’ Pulizija baqgħet dieħla f’mutur u f’karozza li kienu pparkjati.
Dwar dan waslu immedjatament fil-post il-Pulizija tad-Distrett immexxija mill-Ispettur Carol Fabri u s-Surġent Glenn Sammut u l-Kuntistabbli Carmel Pace u Christopher Attard li arrestaw liż-żewġ persuni.

Nifhmu li r-raġel arrestat suppost kien ġewwa d-dar tiegħu minħabba kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.

Dwar dan il-każ il-Pulizija mistennija tressaq liż-żewġ persuni l-Qorti.

Sadattant fil-lejl ta’ bejn nhar il-Ġimgħa u s-Sibt il-Pulizija ta’ San Ġiljan reġgħet issejħet dwar serqa minn sit ta’ kostruzzjoni faċċata tal-Għassa fejn allegatament kien qiegħed jinsteraq id-diesel minn inġenji li kienu fil-post.

Il-Pulizija lemħu vann griż kif deskritt lilhom iżda appena segwewh, numru ta’ persuni niżlu minnu u ħarbu. Minn investigazzjonijiet li għamlu l-Pulizija sabu li fil-vann kien hemm tank kbir li kien mimli bid-diesel – madwar 800/900 litru ta’ diesel.

Jirriżulta li dan il-vann griż hu proprjetà ta’ xi ħadd minn Ħaż-Żabbar.

Nifhmu li dwar dan il-każ il-Pulizija għandha jgħinuha numru ta’ persuni.