Internazzjonali

Kritika għal mod kif ingħatat iċ-ċittadinanza Ingliża

Hemm għadab fir-Renju Unit wara li nkixef li numru ta’ nies perikolużi, xi wħud minnhom ħatja ta’ qtil f’pajjiżhom, ingħataw iċ-ċittadinanza Ingliża mingħajr ma saru ebda background checks tagħhom.
Dan wara li l-Home Office, l-ekwivalenti tal-Ministeru tal-Intern, kien kritikat bil-qawwa f’żewġ rapporti dwar kif tingħata ċ-ċittadinanza Ingliża.
Il-Home Office kien akkużat fost l-oħrajn li ta ċ-ċittadinanza lil raġel li ammetta li qatel lil xi ħadd b’sikkina.
Skont rapport minnhom minn John Vine, l-Independent Chief Inspector of Borders and Immigration, sab li ċ-ċittadinanza kienet qed tingħata lin-nies minkejja li kienu qed jaħdmu fil-pajjiż illegalment. Vine qal li kien imħasseb ħafna li l-Home Office ma kienx qed jarbel sew l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Ingliża.
Uffiċjali kwotati fir-rapport qalu li anki meta applikant jammetti li kellu passat kriminali f’pajjiżu, l-applikazzjoni tiegħu xorta setgħet tirnexxi jekk ma jkunx hemm konferma independenti tal-akkużi.
Każ ieħor li nkixef kien ta’ persuna li minkejja li wża dokumenti foloż biex jikseb iċ-ċittadinanża, iċ-ċittadinanza li ngħata ma tneħħitx.
Irriżulta li 75 fil-mija tal-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanża kienu għal dawk li kienu ilhom ħames snin igħixu fir-Renju Unit jew tlett snin igħixu bħala l-mara jew raġel jew partner li huma ċittadini Ingliżi.
Issa b’reazzjoni għal dan ir-rapport, James Brokenshire, il-Ministru għall-Immigrazzjoni, qal li l-Gvern Ingliż kien qed jassigura li wieħed jingħata ċittadinanża Ingliża jkun privileġġ.