Lokali

Lejn żvolta ġdida fil-każ tal-isparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia

Il-ġurnal In-Nazzjon illum fi storja fuq il-faċċata saħaq li l-investigazzjonijiet dwar l-isparatura mill-kuntistabbli Paul Sheehan, ix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, fil-jiem li ġejjin jistgħu jkomplu jieħdu żvolta ġdida meta l-Pulizija tikkonkludi l-istħarriġ tagħha li jista’ jwassal biex persuna jew tnejn oħra jitressqu l-Qorti u jkunu akkużati dwar kontaminazzjoni tax-xena tar-reat.

Minn informazzjoni li għandu In-Nazzjon jirriżulta li matul il-jiem li għaddew il-Pulizija komplew bl-indaġni tagħhom u jirriżultawlhom żewġ persuni oħra li allegatament involvew ruħhom fl-intraċċ tax-xena tad-delitt.

Prinċipalment huma ħamsa l-fatturi li l-aktar li qed jinkwetaw lill-Pulizija f’dan ir-rigward, anki għaliex dawn l-attentati li saru biex intmesset ix-xena tad-delitt saru fil-fatt qabel ma fil-post waslet il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras u l-esperti tal-Qorti maħtura minnha.

Il-każi ta’ intraċċ sfaċċat huma:
1. Il-fatt li l-Ispettur Gabriel Micallef, li hu stazzjonat fit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga, tella’ l-karozza Vauxhall proprjetà ta’ Stephen Smith, magħruf bħala l-Iskoċċiż, fuq il-lowloader tal-Pulizija u ma tħallietx fejn kienet waqfet jew twaqqfet.
2. Xi ħadd ġabar iż-żewġ skrataċ tal-balal sparati mill-pistola Glock li kellu fuqu x-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia.
3. Xi ħadd allegatament neħħa mill-karozza Vauxhall il-famuż flixkun tal-birra aħdar li mbagħad spiċċa mkebbeb f’karta ordinarja u bla ebda protezzjoni ta’ xi borża forensika.
4. Il-pjanċi tal-karozza tal-eks Ministru Manwel Mallia li mingħajr awtorizzazzjoni nqalgħu minn magħha u tpoġġew fil-bagoll tal-karozza.
5. Xi ħadd qabad l-arma b’idejh u li kienet għadha kemm intużat mill-kuntistabbli Paul Sheehan li minnha, għal darba, darbtejn, spara tiri fid-direzzjoni tal-karozza Vauxhall li ntlaqtet darbtejn.
Minbarra li kellmet lill-Ispettur Gabriel Micallef – li bħalissa jinsab fuq leave sfurzat – il-Pulizija kellmet ukoll lil David Grech minn Tas-Sliema li ntalab ukoll jixhed darbtejn fl-Inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.

Fl-isfond ta’ dan kollu l-Pulizija qed tissokta wkoll bl-istħarriġ tagħha dwar il-persuna passiġġier f’karozza li ftit minuti wara l-isparatura talab lil żewġ nisa min-Nikaragwa iżda residenti f’Malta biex jgħaddulu l-filmat miġbud b’mowbajl tal-istess sparatura.