Lokali

Malta tfakkar 40 sena repubblika

L-40 anniversarju minn meta Malta saret Repubblika ġiet iċċelebrata fil-Belt Valletta matul il-ġurnata, b’attivitajiet li bdew filgħodu kmieni b’kontinġenti tal-Forzi Armati ta’ Malta li mmarċjaw minn ħdejn il-monument ta’ Kristu Re tul Triq ir-Repubblika sa’ Pjazza San Ġorġ.

Hemmhekk saret parata mill-istess kontinġenti, fejn il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca spezzjonat l-gwardja tal-unur. Għall-parata kien hemm ukoll numru ta’ personalitajiet preżenti, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

L-attivitajiet komplew bl-ogħti tal-Medalji t’Ġieh ir-Repubblika fis-Sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz u b’ċerimonja tat-tqegħid tal-fjuri fuq il-Monument tar-Repubblika fil-Marsa, bl-attendenza tal-Presidenti Emeriti.

Ġie organizzat ukoll programm ta’ marċi fil-Belt Valletta bis-sehem tal-banda Ċittadina King’s Own tal-Belt Valletta u l-Banda Madonna ta’ Pompei ta’ Marsaxlokk.

Aktar tard fit-8 ta’ filgħaxija mistenni li jingħata bidu għall-ispettaklu organizzat mill-Fondazzjoni għaċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali fi Pjazza San Gorg fil-Belt Valletta bis-sehem ta’ talent lokali.
Fl-istess ħin se tkun qed tittella’ wkoll esebizzjoni li tiċċelebra persuni Maltin li agħmlu ġieħ lil pajjiż fil-Bitħa tal-Palazz tal-President.