Lokali Qorti

Raġel mill-Marsa mhux ħati ta’ attentat ta’ qtil għax kien qed jaġixxi biex jiddeffendi lilu nniffsu

Noel Farrugia ta’ 35 sena, mill-Marsa huwa bniedem liberu wara li b’sitt voti kontra tlieta ma nstabx ħati ta’ attentat ta’ qtil tal-Libyan Omar Faiz El Sallak, fejn fil-ġurnata tal-inċident mill-provi rriżulta li t-tnejn kien qegħdin jabbużaw mid-droga kokaina. L-inċident seħħ fit-22 ta’ Lulju tal-2010, bil-ġurati jiddeċiedu wara madwar erba’ siegħat ta’ deliberazzjoni, li l-Malti kienet qed jaġixxi biex jiddeffendi lilu nniffsu.

Fix-xhieda tiegħu waqt il-ġuri li beda nhar l-Erbgħa quddiem l-Imħallef Michael Mallia, il-Libjan qal li ħass tingiża u beda jitlef id-demm u li spiċċa b’imsarnu barra, dan wara li Farrugia kien ukoll tefgħu mit-taraġ għal isfel metya kienu fl-appartament tal-Malti.

Il-Libjan qal ukoll li wara li għamillu, din l-azzjoni, Farrugia li dejjem kien iqiesu bħala ħabib tiegħu qallu, “Allah hu Akbar”. Qal ukoll li meta kien barra huwa mar fil-karozza u qabad mannara iżda ma setgħax imur għal Farrugia għax dan kien għalaqlu l-bieb. Qal li ċertu Pawlu l-“Iswed” li kien magħhom fl-appartament meta kienu qegħdin jabbużaw mid-droga kien waslu sa l-isptar fejn kien ġie operat.

Madankollu l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, li deheru għal Farrugia, u li l-ġurati emmnu l-verżjoni tagħhom qalu li ma jistax ikun kif persuna li kienet qed titlef ħafna demm u li kienet b’imsarina barra, kellu l-enerġija li jaqbad mannara u jipprova jmur għal Farrugia, u meta dan raha l-bieb magħluq, qabad u kisser il-mutur ta’ Farrugia.

L-Avukati Difensuri qalu li fir-realta’ il-Libjan kien se jħebb għal Malti b’mannara għaliex dan ma riedx jagħtih id-droga bla flus, u kien hawn li Farrugia ddeffenda lilu ruħu. Farrugia lanqas ma nstab ħati tat-Tieni Kap ta’ akkuża li kellu fil-pusses tiegħu arma mingħajr permess tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Il-Libjan li għandu 45 sena jinsab il-ħabs fuq reati li huwa kien ikkommetta. L-Avukati Kevin Valletta u Vincienne Vella mexxew il-Prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali.