Il-pjan tal-Priministru Ingliż David Cameron li jwaqqaf l-immigrazzjoni anki minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea minkejja li l-liġi Ewropea għandha bħala wieħed mill-pilastri fundamentali tagħha il-liberta’ tal-moviment tal-ħaddiema wasslet sabiex il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker wissa lir-Renju Unit dwar il-mod kif din ser timxi ma’ ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea li jipprovaw jemigraw lejn ir-Renju Unit.
Waqt li kien qiegħed jitkellem fuq stazzjon televiżiv Awstrijakk Juncker saħaq li nies mill-Polonja, r-Rumanija u l-Bulgarija kienu qegħdin jaħdmu għal paga tagħhom u għalhekk ma’ kellhomx jiġu trattati daqs li kieku kienu kriminali.
Juncker saħaq li huwa ried jara lir-Renju Unit bħala membru attiv fi ħdan l-Unjoni Ewropea iżda wissa li l-liberta’ tal-moviment tal-ħaddiema huwa prinċipju essenzjali li mingħajr dubju ta’ xejn dwaru ftit jista’ jkun hemm dibattitu. Wissa wkoll li jekk titnaqqar din il-liberta’ allura ftit li xejn ser ikun hemm xi jżomm milli titnaqqar liberta’ oħra, dik tal-moviment ħieles tal-kapital, xi ħaġa li Juncker saħaq ikollha impatt ferm negattiv fuq l-ekonomija tar-Renju Unit li għandha bażi qawwija ta’ servizzi finanzjarji fil-magħruf City of London.
Cameron kien wiegħed li jillimita’ l-liberta’ tal-moviment tal-ħaddiema bħala parti mill-kampanja tiegħu biex jibdel ir-relazzjoni tar-Renju Unit ma’ l-Unjoni Ewropea qabel jsejjaħ referendum dwar jekk pajjiżu għandux jibqa’ membru jew le ta’ l-istess Unjoni Ewropea.
//= $special ?>