Lokali Saħħa

Anzjana tingħata l-ilma f’kontenitur tal-awrina minflok f’tazza

… l-infermiera qalet lill-anzjana, li kienet fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, li ma kienx hemm tazzi

Qarrej ta’ “il-mument” dil-ġimgħa rrakkonta kif anzjana li kienet fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei kienet servuta l-ilma f’kontenitur tal-awrina minflok f’tazza wara li l-infermiera infurmatha li ma kienx hemm tazzi.

Il-każ seħħ nhar il-Ħamis 4 ta’ Diċembru għall-ħabta tan-12.30 p.m. meta dan il-qarrej irċieva telefonata mingħand anzjana ta’ 84 sena ħabiba tal-familja tiegħu, li qaltilhom li l-ġurnata ta’ qabel, l-Erbgħa 3 ta’ Diċembru, marret l-isptar u xtaqet li tarahom biex tkellimhom.

Il-qarrej isemmi li flimkien ma’ martu mar għand l-anzjana dakinhar stess li ċemplitilhom peress li kienet għadha ġejja mill-isptar.

L-anzjana rrakkuntat kif l-Erbgħa, 3 ta’ Diċembru ċemplet iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid biex imur jaraha t-tabib id-dar minħabba li hi ma toħroġx mir-residenza tagħha. Meta mar it-tabib biex jinviżtaha fir-residenza tagħha, qalilha li kien ikun aħjar li tmur l-Emerġenza l-Isptar Mater Dei. L-istess tabib ċempel għall-ambulanza biex tieħu lill-anzjana l-isptar fejn kienet akkumpanjata minn ħabiba tagħha.

Meta waslet l-isptar, l-anzjana ddaħħlet fl-Emerġenza ta’ ġewwa. “Sa hawn kollox sew, iżda peress li damu ma raw x’għandha bżonn din l-anzjana, għall-ħabta tas-2 p.m. il-ħabiba tagħha kellha tmur id-dar. Konsegwenza t’hekk din l-anzjana baqgħet waħedha sakemm waslet in-neputija tagħha.”

Peress li kien sar il-ħin, din l-anzjana talbet li tingħata tazza ilma. “Wara ftit, tara lill-infermiera ġejja, biex ngħid hekk, bi grokk ilma ġo flixkun żgħir li normalment jintuża biex wieħed jagħmel l-awrina fih meta jkollu bżonn jagħmel xi testijiet mediċi.”

Il-qarrej ta’ il-mument kompla li “din l-anzjana, meta rat hekk, baqgħet iċċassata u qalet lill-infermiera, ‘iva ġo dan il-flixkun ġibtli l-ilma?’ Ir-risposta kienet, ‘għax m’għandniex tazzi’.”