Lokali

ESKLUSSIVA: Il-proġett tal-monorail – il-Gvern Laburista jiftiehem maċ-Ċiniżi li jaħbi ftehim ta’ €1.6 biljun

Fit-22 ta’ Lulju li għadda l-Gvern Malti għamel ftehim sigriet u kunfidenzjali bejn il-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura u l-kumpanija China Overseas Engineering Group Co.Ltd (COVEC) bl-iskop li ssir kollaborazzjoni ħalli f’Malta eventwalment ikun żviluppat proġett għal sistema ta’ monorail.

Il-gazzetta “il-mument” illum żvelat b’mod esklussiv kif l-iżvilupp ta’ monorail f’Malta – ferrovija elevata li timxi fuq linja waħda u li jkollha veloċità qawwija ħafna – jinvolvi l-investiment qawwi ta’ €1.6 biljun u mistenni jieħu madwar tmien snin biex ikun lest.

Din il-proposta ta’ monorail f’Malta hi waħda minn ħames proġetti li l-Gvern Laburista Malti ressaq għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bħala parti mill-pjan ta’ investiment tal-istess Kummissjoni.

Jidher li l-proposta tal-Gvern Malti qed issir fid-dawl ta’ riforma imminenti fit-trasport pubbliku fejn f’dawn l-aħħar xhur ħareġ ċar li minkejja l-ħafna wegħdi li l-Partit Laburista kien għamel qabel l-elezzjoni ġenerali.

Il-ftehim jaħseb biex il-kumpanija Ċiniża tidħol f’kooperazzjoni mal-Gvern Malti biex tagħmel studju preliminari dwar il-vijabilità tal-proġett, bħala l-ewwel pass għal kooperazzjoni fil-proġett ta’ inġinerija, l-akkwist, kostruzzjoni u finanzjament ta’ proġett għal sistema ta’ monorail f’Malta.

Il-kumpanija COVEC fil-ftehim tgħid li hi għandha l-kapaċitajiet u esperjenza kbira fil-qasam ta’ xogħlijiet relatati ma’ linji tal-ferroviji, inġinerija ċivili u xogħlijiet muniċipali u għalhekk tkun tista’ tidħol għal dan il-proġett f’Malta.

Dan il-Memorandum of Understanding bejn il-Gvern Malti u dak Ċiniż jagħlaq bl-aktar mod perikoluż meta fi klawsola oħra tiegħu intitolata “Confidentiality” jgħid li “The Parties shall keep the execution of this MOU confidential and shall not furnish copies of it to anyone, or disclose its contents unless agreed otherwise. Information and documents given by any party to any other party shall be kept confidential by such other party unless a prior written consent has been served.

Din il-klawsola toħroġ bl-aktar mod ċar is-segretezza sħiħa u l-politika ta’ ħabi wara dan il-ftehim kemm mill-Gvern Malti kif ukoll mill-kumpanija statali Ċiniża responsabbli dirett minnha l-Gvern Ċiniż.

Skont ir-rapporti li l-Gvern Laburista ressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea, jidher li diġà qed isiru studji dwar dan il-proġett li mistenni jkun konkluż fix-xhur li ġejjin u li mistenni jkun ko-finanzjat mill-Bank għall-Investiment Ewropew, flimkien ma’ bank ta’ żvilupp u bis-sehem tal-privat ukoll.

Interessanti ħafna l-fatt li, filwaqt li l-Gvern qiegħed jitlob lill-Unjoni Ewropea għal fondi dwar dan il-proġett, mhix prassi tal-Unjoni Ewropea li tiffinanzja metodi ta’ proġetti bħal dawn billi l-Gvern l-ewwel jingħata hu l-flus mill-Unjoni Ewropea biex imbagħad jgħaddihom lil kumpaniji terzi biex ikunu jistgħu jaħdmu huma fuq l-istess proġetti.