Anzjana residenti fl-Isptar għall-Anzjani San Vinċenz de Paul dan l-aħħar għaddiet minn inċident mhux tas-soltu meta waqt li kienet rieqda fis-sodda tagħha, ġurdien tela’ mas-sodda u daħlilha fil-komma tan-nightdress. “Ħaġa tal-biża’ u perikoluża għas-saħħa tal-bniedem.”
Dan l-allegat każ li jidher li seħħ fil-lejl ta’ bejn it-28 u d-29 ta’ Novembru li għadda, kien rakkuntat fuq Facebook minn ċertu Anthony Boyianzis li jgħid li din l-anzjana, li għandha mal-95 sena, hi qariba tiegħu.
Sorsi qrib it-tmexxija ta’ din il-blokka bini fir-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz de Paul ikkonfermaw li ta’ spiss jaraw il-ġrieden, tant li minn żmien għal żmien jintefa’ volum ta’ velenu biex joqtolhom, iżda dwar dan l-inċident partikulari li m’hemm xejn irrekordjat fil-log books.
Fil-paġna ta’ Facebook tiegħu, Anthony Boyianzis, nhar l-1 ta’ Diċembru li għadda fl-10.04 p.m. kiteb dwar pazjenta qariba tiegħu f’din ir-residenza u jgħid li dak li qiegħed jikteb mhux qiegħed jagħmlu b’xi mottiv politiku jew b’xi mod kontra xi ħaddiema fl-istess residenza, “għax naf kemm qed jagħmlu ħilithom biex jakkomodaw lill-pazjenti residenti.”
Hu żied: “imma ħassejt li għandi niġbed l-attenzjoni tal-management tal-istess residenza. Waħda mill-qraba tiegħi kellha esperjenza tal-waħx meta ħasset xi ħaġa dieħla fil-komma tan-nightdress u baqgħet miexja għal fuq żaqqha.
“Din mill-ewwel għajtet għall-għajnuna għax hi anzjana u ma tistax timxi. Meta ġew il-carers sabu ġurdien fin-nightdress tagħha. Ħaġa tal-biża’ u perikoluża għas-saħħa tal-bniedem.”
Hu kompla jikteb li “malajr ħasluha u ġiet mogħtija l-kura medika li kellha bżonn kontra xi grif fuq ġisimha u bidlulha s-sala fejn kienet qed tinżamm.”
Anthony Boyianzis kompla: “Kont għamilt kors ta’ Assistent Carer fir-Residenza għall-Anzjani San Vinċenz de Paul u bagħtuni f’din is-sala u qaluli minn qabel biex ma neħodhiex bi kbira jekk nara xi ġrieden f’xi sala.”
Sadattant, f’aġġornament, l-għada, Anthony Boyianzis reġa’ kiteb fuq Facebook u rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana għar-risposta li tatu u li fiha, fost l-oħrajn, għarrfitu li l-Blokka Rużar Briffa se tkun rinnovata.
//= $special ?>