Lokali

INTERVISTA MAL-KUMMISSARJU: “Mhux se naċċetta ndħil”

Il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija Michael Cassar laqa’ mill-ewwel stedina għal intervista mill-gazzetta “il-mument” fil-bidu tal-ħatra tiegħu. Hu wiegħed impenn kbir biex il-Korp tal-Pulizija jerġa’ jikseb il-moral għoli tiegħu biex hekk jirbaħ mill-ġdid il-fiduċja tan-nies. Fuq l-aġenda – id-dixxiplina fuq kollox u r-rispett lejn il-ġerarkija fil-Korp. Attenzjoni kbira meta membri tal-Korp jiġu f’komunikazzjoni ma’ persuni b’karattru kkulurit u dwar dan se jinħarġu linji gwida ċara għal kulħadd biex wara ħadd ma jġib l-iċken skuża dwar dan. Il-Kummissarju Michael Cassar żvela li l-aħwa Farrugia implikati fl-iskandlu dwar ix-xiri taż-żejt se jkunu qed jitressqu l-Qorti fi Frar li ġej waqt li investigazzjonijiet dwar każi kbar oħra wkoll se jkunu għaddejjin bl-aktar mod effettiv biex jingħalqu numru ta’ kapitli ħalli ma jibqgħux ikarkru. Michael Cassar wiegħed tmexxija serja u fuq kollox impenn biex il-Korp jaħdem bi professjonalità u serjetà, inkluż mill-ġdid taħriġ effikaċi u kif suppost lill-membri kollha tal-Korp.

Ma’ Michael Cassar iltqajt nhar il-Ħamis filgħodu fl-uffiċċju tiegħu quddiem il-Control Room tal-Korp fil-kuridur ta’ fuq tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fil-Furjana.

Hu beda biex qal li sar jaf li hu kien se jinħatar Kummissarju tal-Pulizija nhar it-Tnejn li għadda wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat bagħat għalih f’Kastilja u infurmah li kien se jgħabbih b’dan l-impenn ġdid li hu qiegħed jidħol għalih b’ħafna enerġija u entużjażmu.

Sitwazzjoni preokkupanti għall-Korp tal-Pulizija
Hawnhekk irriferejna għal dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat aktar kmieni din il-ġimgħa meta wera l-preokkupazzjoni tiegħu dwar l-istat li jinsab fih il-Korp tal-Pulizija u li jeħtieġ direzzjoni ġdida biex mill-ġdid jerġa’ jakkwista l-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Michael Cassar qal li hu jrid jagħti direzzjoni ġdida lill-Korp tal-Pulizija li sfortunatament illum għaddej minn problemi serji biex hekk jerġa’ jakkwista l-fiduċja tan-nies.
Mistoqsi jekk il-kariga tiegħu ta’ Kummissarju tal-Pulizija hix tingħatalu diversi xhur minn meta kien mistenni li jingħata dan l-inkarigu, Michael Cassar qal li kieku ngħatatlu qabel ma kienx ikollu ċ-ċans li jmur imexxi s-Servizz tas-Sigurtà fejn matul dawn ix-xhur li għaddew irnexxielu jagħmel ħafna xogħol ta’ fejda.

“Quddiemi għandi biċċa xogħol enormi”
Dwar dak li qal il-Prim Ministru li llum il-livell u l-kwalità fil-Korp tal-Pulizija naqsu ħafna, Michael Cassar qal li quddiemu għandu biċċa xogħol diffiċli ħafna x’jiffaċċja, “imma mhux se naqta’ qalbi. F’ħajti kelli numru ta’ sfidi li rnexxieli niffaċċja f’suċċess.”

Hu kompla li meta fil-karriera tiegħu kien fl-Immigrazzjoni u fid-Distrett, fost l-oħrajn, kien iffaċċja ħafna problemi iżda fl-aħħar mill-aħħar irnexxielu jagħmel biċċa xogħol tajba ħafna.

L-istess, żied Michael Cassar, irnexxielu jagħmel meta kien fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u anki issa meta kien qiegħed imexxi s-Servizz tas-Sigurtà.

Michael Cassar qal li dan l-impenn ġdid se jkun qiegħed jidħol għalih b’ħafna enerġija u entużjażmu. “Jien se nagħmel il-parti kollha tiegħi, iżda miegħi jridu jiġbdu ħabel wieħed ukoll kemm il-Pulizija kollha kif ukoll il-Fizzjali kollha. Flimkien irridu naħdmu ħafna biex il-Korp jerġa’ jakkwista l-fiduċja tan-nies.”

Trid tiddaħħal mill-ġdid id-dixxiplina fil-Korp tal-Pulizija
Hu kompla li b’hekk jiġu r-riżultati. Il-problema li qiegħed jiffaċċja l-Korp illum hi li rridu ndaħħlu mill-ġdid id-dixxiplina li hemm bżonn. “Il-Prim Ministru għandu fiduċja li minn hawnhekk nista’ naħdem biex insolvi l-problemi li hawn fil-Korp tal-Pulizija, filwaqt li ngħolli u nkabbar l-isem tal-Korp u hekk nerġgħu niksbu l-fiduċja tan-nies. Naturalment din m’hix xi ħaġa faċli, iżda qed nidħol għal din l-isfida b’viżjoni ċara u b’determinazzjoni kbira.”

Hu qal li se jkun impenn kbir għalih li l-Korp tal-Pulizija jerġa’ jersaq lejn in-nies u jkun viċin in-nies. Dan hu importanti ħafna għall-Korp għaliex b’hekk jinbena rapport dirett man-nies. In-nies tħobb lill-Korp u meta tara li l-affarijiet qed isiru bis-serjetà, allura tikkollabora bis-sħiħ fil-ħidma tal-Pulizija, fosthom fil-ġlieda lill-kriminalità.

“L-ewwel kuntatt u messaġġ li rrid inwassal lill-membri kollha fil-Korp hi l-importanza tad-dixxiplina. Mill-kbir saż-żgħir. Kulħadd irid jifhem l-importanza li aħna Korp dixxiplinat. Tajjeb li l-membri jkollhom id-drittijiet u li dejjem inkomplu nkabbru dawn id-drittijiet, iżda hu importanti ħafna wkoll li l-affarijiet isiru b’dixxiplina u serjetà.”

Fil-Korp… “x’se tagħti u mhux se tiggwadanja”
Hawnhekk hu kellu kliem iebes ħafna għal dawk il-membri li moħħhom hu dwar x’se jiggwadanjaw u jiksbu mill-Korp. “Dan irid jieqaf. Irid jieqaf b’mod immedjat. Kull membru fil-Korp irid jibda jaħseb f’termini ċari ħafna – x’se jagħti lill-Korp u kif se jservi l-uniformi aħjar milli għamel sa issa.”

Il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar kompla li hu mhux se jaċċetta membri fil-Korp li jħarsu lejn ix-xogħol tagħhom fil-Korp bħala xi xogħol part-time. “Din mhix se naċċettaha. Mhux qed nirriferi għal dawk li ddaħħlu bħala part-timers fil-Korp, iżda għall-membri kollha li flok ikun moħħhom fix-xogħol, ikun moħħhom f’affarijiet oħra.”

Hu żied li l-poplu Malti u Għawdxi għandu dritt sħiħ li jkollu Korp tal-Pulizija li jħarsu, jipproteġih u jagħtih is-sigurtà. Il-membri tal-Korp għandhom obbligu mhux biss lejn il-pubbliku imma anki lejn l-istess Korp.”

“Mhux se naċċetta l-indħil”
Mistoqsi kif bi ħsiebu jmexxi lill-Korp tal-Pulizija, Michael Cassar għamilha ċara mill-ewwel li hu m’hux se jaċċetta ndħil. “Le ma naċċettax indħil. Le. Irrid li l-affarijiet isiru bis-serjetà. Iva, naċċetta direzzjoni u nitkellmu dwar kif nistgħu jagħmlu l-affarijiet bl-aħjar mod possibbli, iżda ħadd mhu se jindaħal la fl-investigazzjonijiet li nkunu qed nagħmlu bħala Pulizija u anqas fix-xogħol ta’ amministrazzjoni li jkun qiegħed isir. Dawn huma affarijiet esklussivi tal-Korp.”

Il-kwistjoni tal-Addendum sigrieta
Hawnhekk tkellimna dwar dak li għamel il-Gvern ftit tal-ġimgħat ilu meta daħħal Addendum sigrieta minn wara l-membri fil-Korp tal-Pulizija – bla dubju ta’ xejn mossa mill-aktar perikoluża li issa tinsab quddiem il-Qorti wara li l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ma rnexxiliex tasal fi ftehim mal-eks Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar qal li hu kellu l-opportunità li jisma’ diġà l-argumenti b’rabta ma’ din il-kwistjoni. Hemm argumenti mill-aktar validi miż-żewġ naħat.

“Madankollu nemmen li għandhom isiru xi forma ta’ diskussjonijiet mal-partijiet biex l-affarijiet ikunu risolti. Dan mhux biex jintlaħaq xi forma ta’ kompromess għax fil-Pulizija ma rrid l-ebda forma ta’ kompromess, imma biex jinstab ftehim ġust.

“Irid ikun hemm sistema ta’ checks and balances. Irridu nsibu l-aħjar sistema biex immexxu l-affarijiet ‘il quddiem biex fl-istess waqt ikun hemm lok għal checks and balances. Min ħareġ b’din l-idea ħaseb li kienet idea tajba, filwaqt li ħaddieħor ma qabilx u fehem li din is-sistema tista’ tintuża b’mod ħażin. Irridu nsibu t-triq tan-nofs.”

Il-kwistjoni tal-arretrati
Mistoqsi dwar l-arretrati li għandhom jieħu numru ta’ Pulizija dwar xogħol li għamlu, il-Kummissarju tal-Pulizija qal li hu se jidħol f’kull issue li hemm quddiem il-Korp. “Se nidħol f’kull problema li għandu l-Korp quddiemu. Bħalissa qed nassorbi l-problemi li hawn u nsir naf aktar dwarhom biex inkun nista’ nindirizzahom għall-ġid tal-membri tal-Korp. Jekk hawn problema dwar arretrati nassigurak li se nidħol fiha wkoll u nara li din tissolva bl-aħjar mod possibbli.

Dixxiplina, rispett lejn il-ġerarkija, il-komunikazzjoni man-nies ta’ ċertu karattru u reinstatement ta’ ċerti Pulizija
Mistoqsi jekk diġà ltaqa’ mal-Fizzjali tal-Korp, Michael Cassar qal li dan beda jagħmlu mill-għada li ngħata l-ħatra ta’ Kummissarju. “Iltqajt mad-Deputati Kummissarji u mal-Assistenti Kummissarji u lkoll flimkien iltqajna wkoll ma’ Carmelo Abela, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Soċjali, biex tkellimna u introduċejna lilna nfusna lil xulxin.

“Kelli l-opportunità li ngħid il-viżjoni tiegħi kif ukoll tkellimna dwar kif irridu nibdew naħdmu u nsaħħu l-Korp tal-Pulizija. Għamilt ċara l-affarijiet li għandi f’moħħi. Irrid li fil-ħidma tal-Korp ikun involut kulħadd. Mill-kbir saż-żgħir. Flimkien irridu naħdmu id f’id għall-ġid veru tal-Korp tal-Pulizija. Għandna ħafna x’nagħmlu, iżda l-punt tat-tluq iridu jkunu d-dixxiplina, ir-rispett lejn il-ġerarkija u l-komunikazzjoni man-nies ta’ ċertu karattru.
“Għax kellna u għandna sitwazzjoni li membri fil-Korp jikkomunikaw ma’ ċerti persuni ta’ karattru bl-iskuża li dawn huma informers. Dwar dan bgħatt messaġġ ċar ħafna. Din hi kwistjoni li bdejt nindirizzaha sa mill-ewwel mumenti tiegħi bħala Kummissarju tal-Pulizija u aktar ‘il quddiem se noħroġ ukoll gwidi ċari dwar din it-tip ta’ komunikazzjoni.

Tkellimna wkoll dwar membri ġodda reinstated fil-Korp tal-Pulizija li wħud minnhom għandhom rekord kulurit u l-Kummissarju tal-Pulizija fisser li din hi s-sitwazzjoni li wiret. “Din hi kwistjoni importanti ħafna għalija u se nidħol fiha. Irrid nassigura li l-Korp ikun fih membri serji u tal-affari tagħhom. Għalija r-risposta hi ħafifa imma tini ċans nidħol dwar dawn il-każi.”

Jgħid li se jaħdem bi trasparenza
Michael Cassar wieġeb ukoll mistoqsija dwar il-fatt li hemm numru ta’ inkjesti li għadhom m’humiex ippubblikati u qal li kemm-il darba inkjesta ma tkunx ta’ preġudizzju għal xi investigazzjoni, allura m’għandhiex għaliex ma tkunx pubblikata. “Jien bniedem trasparenti għall-aħħar. Qabel kelli problemi kbar, iżda llum għandi problemi enormi iżda jien determinat li naħdem bl-akbar serjetà u f’din il-ħidma rrid li jipparteċipaw il-Maltin u l-Għawdxin kollha biex jgħaddulna informazzjoni ġenwina. Għalhekk irrid ngħolli l-moral tal-Korp biex hekk terġa’ tinbena l-fiduċja tan-nies fina.”

“Il-Korp qiegħed hemm biex jipproteġi liċ-ċittadini, iżda min-naħa tagħhom il-Maltin u l-Għawdxin għandhom jgħinu lill-Korp u jkunu kburin bih. Se nkunu viċin in-nies u dan se nagħmluh bis-serjetà.”

Kuntatt mal-membri tal-Korp
Michael Cassar qal li apparti mix-xogħol fl-uffiċċju hu se jkun qiegħed iżur l-uffiċini tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija kif ukoll l-Għases. “Se ndur u niltaqa’ mal-Pulizija fil-postijiet tax-xogħol tagħhom. Se nkun hemm magħhom u nixtieq li lkoll niġbdu ħabel wieħed. Min-naħa tagħhom in-nies jekk ikunu jafu b’xi membru jew membri li jkunu qed jonqsu fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, għandhom jitkellmu u jgħaddulna l-informazzjoni. Importanti li dak li jingħadilna jkun ġenwin u serju. Nassigurak li min-naħa tiegħi mhux se nkun qiegħed niddefendi l-ebda nuqqas ta’ ħadd. Hawnhekk irridu nkunu serji u nwasslu messaġġi ċari.”

Mistoqsi dwar l-importanza tat-taħriġ li matul ix-xhur li għaddew donnu ma tantx ingħatat importanza, il-Kummissarju tal-Pulizija qal li din hi xi ħaġa mill-aktar kardinali. “Iva, nassigurak li se nagħti importanza kbira lit-taħriġ tal-membri fil-Korp.”

Investigazzjonijiet
Il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar qal li aktar kmieni din il-ġimgħa nħarġu l-akkużi fil-konfront tal-aħwa Farrugia u żied li dawn mistennija jitressqu l-Qorti fi Frar li ġej madwar sentejn wara li kien ħareġ fil-beraħ dan il-każ.
Hu qal li l-Pulizija f’dawn il-jiem ħarġet l-akkużi fil-konfront tal-aħwa Salvu, Antonio, Gaetano u Raymond Farrugia u l-każ mistenni jibda fi Frar li ġej. Fost l-oħrajn se jkunu qed jiffaċċjaw akkużi dwar għarfien ta’ tixħim lil uffiċjali fl-Enemalta biex jassiguraw kuntratti dwar xiri u negozju ta’ żejt. L-aħwa Farrugia oriġinarjament kienu arrestati f’Marzu tal-2013.

Michael Cassar żied ukoll li fost l-oħrajn “irrid nara li l-investigazzjonijiet li jkunu qed isiru jsiru b’ritmu mgħaġġel biex ma jibqgħux ikarkru. Min-naħa l-oħra rrid li nagħti appoġġ lill-vittmi tar-reati. Dawn ħafna drabi ma jingħatawx l-importanza li jkollhom bżonn. Irrid nassigura li kulħadd jingħata d-drittijiet kostituzzjonali sagrosanti li hu ntitolat għalihom u l-vittmi għandhom jingħataw l-appoġġ u s-sostenn li jkollhom bżonn.”