Internazzjonali

Ir-Russja tiċħad li ajruplan militari kważi laqat ajruplan tal-passiġġieri Żvediż

Il-Ministeru Russu għad-Difiża llum ċaħad stqarrijiet li saru mill-Iżvezja li, għat-tieni darba din is-sena, ajruplan militari Russu kważi ħabat ma’ ajruplan tal-passiġġieri fl-ispazju tal-ajru Żvediż. Ir-Russja qed tgħid li ż-żewġ ajruplani qatt ma kienu inqas minn 42 mil ‘il bogħod minn xulxin.

Uffiċjali Żvediżi qalu li l-ajruplan militari Russu kien tefa it-transponders tiegħu sabiex jevita milli jinqabad mir-radar u kważi tar verament qrib ajruplan tal-passiġġieri li kien għadu kif telaq mill-ajruport ta’ Kopenhagen nhar il-Ġimgħa.

Il-Maġġur Ġeneral Igor Konashenkov, kelliem għall-Ministeru Russu tad-Difiża qal li l-ajruplan militari kien qed itir skont regoli dwar l-ispazju tal-ajru internazzjonali; kien ukoll qed itir f’distanza ‘l bogħod minn rotot użati minn titjiriet ċivili.