Lokali

JITKELLMU SORSI MILL-PARTIT LABURISTA: Muscat kellu pressjoni kbira biex iwarrab lil Manuel Mallia mill-Kabinett

Bit-tkeċċija ta’ Manuel Mallia, l-eks Ministru responsabbli mill-Intern u mis-Sigurtà Nazzjonali aktar kmieni dil-ġimgħa u bit-tluq ta’ Silvio Scerri minn Chief of Staff ta’ Mallia, sorsi fil-Partit Laburista li tkellmu magħna qalu li l-Prim Ministru Joseph Muscat spiċċa mirbuħ mill-pressjoni li kienet ilha ssirlu internament fil-Partit Laburista kif ukoll fil-Gvern tiegħu stess kontra Manuel Mallia u Silvio Scerri.

It-tkeċċija ta’ Manuel Mallia mill-Kabinett ta’ Joseph Muscat ġabet magħha arja ta’ solliev fil-Kabinett tal-istess Prim Ministru Joseph Muscat. L-istess jista’ jingħad fir-rigward ta’ Silvio Scerri li kien iċ-Chief of Staff fis-Segretarjat tal-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Bosta kienu dawk il-membri fil-Korp tal-Pulizija u fl-Armata, li tkellmu wkoll ma’ dan is-sit u li qalu issa “ħadu r-ruħ” la darba dawn iż-żewġ persuni spiċċaw mill-karigi rispettivi tagħhom. Fl-aħħar 21 xahar, komplew dawn is-sorsi, Mallia u Scerri kkontribwew bl-aktar mod dirett biex saret ħsara enormi lill-Korp tal-Pulizija u lill-Armata.

Il-persuni li ċemplu u kkuntjaw lil gazzetta “il-mument”, u oħrajn li ltqagħu magħna, fissru kif ma jistgħux jemmnu kif Manuel Mallia, bniedem ta’ intelliġenza kbira, għamel daqstant ħsara fil-Korp tal-Pulizija u fl-Armata b’deċiżjonijiet assurdi.

Forsi wieħed mill-fatturi ewlenin għal din il-ħsara kbira li Manuel Mallia għamel fil-Korp tal-Pulizija u fl-Armata kienet ġejja mill-fatt li miegħu bħala Chief of Staff ħa lil Silvio Scerri li sa mill-bidu nett beda jindaħal fit-tmexxija u kien il-moħħ ta’ ħafna transfers vendikattivi li saru.

Pressjoni mill-partit u fil-Gvern li kienet qed tikber fuq Muscat
Kif żvelajna fil-ġimgħat li għaddew, l-uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja xejn ma kienu kuntenti la bil-prestazzjoni tal-eks Ministru Manuel Mallia u wisq anqas b’dak li kien qiegħed jagħmel Silvio Scerri, li direttament jew indirettament kien qiegħed jikkawża ħafna ħsara lill-istess Gvern. Dan minbarra li fil-Partit Laburista kienet qiegħda ssir pressjoni kontra Manuel Mallia u Silvio Scerri.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat uża l-inkjesta li saret dwar l-isparatura tal-Erbgħa, 19 ta’ Novembru li għadda, u sab ix-xoqqa f’moxtha biex jispiċċa Manuel Mallia mill-kariga tiegħu ta’ Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, iżda indirettament wassal messaġġ ċar lil Silvio Scerri li postu ma kienx għadu fil-kariga li kien jokkupa – messaġġ ċar li Silvio Scerri ħa u warrab fi ftit sigħat.
Qed niżvelaw kif il-Kitchen Cabinet tal-Prim Ministru Joseph Muscat kien ilu għal dawn l-aħħar xhur iwiddeb lill-Prim Ministru biex b’mod jew ieħor ineħħi lil Manuel Mallia mill-Kabinett tal-Ministri u biex sussegwentement Silvio Scerri jitneħħa minn Chief of Staff fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Sensiela ta’ transfers u promozzjonijiet partiġjani
Bla dubju ta’ xejn li fl-istorja dawn iż-żewġ persuni se jibqgħu mċappsa ma’ numru ta’ avvenimenti xejn sbieħ li seħħew fil-Korp tal-Pulizija u fl-Armata Maltija.
Fost l-oħrajn hemm is-sensiela ta’ transfers vendikattivi. Membri fil-Korp li ngħataw transfers ripetittivi. L-istess kliem jgħodd ukoll għall-Armata fejn bażużli tgħallmu jaqbżu minn kariga għal oħra u ħadu promozzjoni waħda wara oħra sakemm illum jokkupaw l-ogħla karigi fl-Armata Maltija, irrispettivament mill-kapaċitajiet tagħhom u irrispettivament jekk kien imisshom huma li jingħataw il-promozzjoni jew le.

Ftehim sigriet minn wara dahar il-Fizzjali fil-Korp
Paġna oħra mill-aktar sewda fl-istorja tagħhom f’dawn l-aħħar għoxrin xahar kien il-ftehim sigriet minn wara dahar il-Fizzjali fil-Korp tal-Pulizija u li wasslilhom messaġġ ċar ta’ nuqqas ta’ fiduċja. Din il-kwistjoni tinsab quddiem il-Qrati Maltin u wieħed jawgura li tkun riżolta madwar il-medja biex hekk din it-turija ta’ nuqqas ta’ fiduċja fil-Fizzjali u f’dawk li jaspiraw li jimxu ‘l quddiem fil-Korp, titwarrab darba għal dejjem.

Dejjem tqisu mażżra ma’ Muscat
Sa ftit tal-jiem ilu dawk kollha viċin il-Prim Ministru Joseph Muscat kienu jikkunsidraw lil Manuel Mallia u lil Silvio Scerri bħala persuni li kienu ta’ mażżra ma’ saqajn Joseph Muscat u f’mument jew ieħor, kemm-il darba ma jibdlux l-atteġġjament tagħhom, dawn kienu se jispiċċaw itiru minfejn huma.
L-ewwel sinjali konkreti li Silvio Scerri kien se jkun mażżra tqila ma’ Joseph Muscat bdew ifeġġu fis-sajf tas-sena 2013 meta kienet qamet il-kontroversja dwar l-arrest illegali taż-żagħżugħ Daryl Luke Borg.
Silvio Scerri kien l-uniku Chief of Staff fost il-kollegi f’din il-pożizzjoni li kontinwament kien qiegħed jimbarazza lill-Gvern bl-arroganza u bl-imġieba xejn korretta tiegħu.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien imxebba bl-attitudni ta’ Silvio Scerri li fi ħdan id-dekastru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali li kien jaħseb li jista’ jagħmel li jrid, x’ħin irid u meta jrid.

Ir-relazzjoni bejn Mallia u Scerri
Ir-relazzjoni bejn Manuel Mallia u Silvio Scerri tmur lura għal qabel l-elezzjoni elettorali ta’ għoxrin xahar ilu meta fil-proċess għal dik l-elezzjoni jidher li Silvio Scerri għamel tajjeb għall-ispejjeż kollha, jew kważi kollha, tal-kampanja elettorali ta’ Manuel Mallia.
Hu fatt stramb ħafna kif Manuel Mallia li hu fatt magħruf li hu bniedem miljunarju, ma kellux bżonn lil Silvio Scerri biex iħallaslu l-ispejjeż li ġġib magħha kampanja elettorali.

Kampanja elettorali kapriċċuża minn Mallia
Mill-investigazzjonijiet li għamilna jirriżulta bl-aktar mod ċar li l-kampanja elettorali li għamel Manuel Mallia – u li wasslitu biex kien eletti minn żewġ distretti elettorali – kienet waħda kapriċċuża ħafna tant li saħansitra minbarra materjal ta’ leaflets u reklami pubbliċitarji oħra, ħallas ukoll xirjiet ta’ ikel lil diversi familji fiż-żewġ distretti. Dan apparti festini kbar u okkażjonijiet soċjali oħra organizzati mill-istess canvassers tal-Ministru Manuel Mallia.
Jistogħna ħafna l-fatt kif Manuel Mallia u Silvio Scerri jidher li għandhom bżonn ħafna l-kollaborazzjoni mill-qrib ta’ xulxin.

Ftehim bejn Muscat u Manuel Mallia qabel l-elezzjoni
Fl-isfond kollu, wieħed jifhem aktar kif nhar il-jum tal-votazzjoni fl-elezzjoni ġenerali – jiġifieri nhar is-Sibt, 8 ta’ Marzu 2013 – Silvio Scerri nstema’ jgħid quddiem terzi persuni preżenti li hu kien jaf li hekk kif il-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni, Manuel Mallia kien se jingħata l-inkarigu ta’ Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u li hu (Silvio Scerri) kien se jkun il-Kap ta’ dan is-Segretarjat fil-Ministeru.
Interessanti ħafna l-fatt li fl-istess konversazzjoni meta Silvio Scerri nstema’ jagħmel din id-dikjazzjoni, qal ukoll li kien jaf ukoll li l-Ministeru tal-Intern kien se jkun jinkludi wkoll lill-Forzi Armati ta’ Malta, lill-Korp tal-Pulizija, lill-industrija tal-films u lill-Public Broadcasting Services.