“Tattiċi biex taljena; Mhux mod kif tiskorja punti politiċi.”
Dawn huma t-titli tal-editorjali tal-gazzetti The Sunday Times u The Malta Independent, li jiġbru s-sentiment li tqanqal wara li Muscat ipprova jaljena l-attenzjoni minn fuq il-każ ta’ Manwel Mallia, billi ppubblika rapport ta’ inkjesta dwar il-mewt ta’ immigrant irregolari fl-2012.
Dan ir-rapport kien tlesta f’Diċembru ta’ sentejn ilu meta l-Parlament kien xolt u l-pajjiż kien qed iħejji għal kampanja elettorali. Il-Gvern ta’ Muscat kellu dan ir-rapport f’idejh mill-bidu tal-leġislatura tiegħu, iżda kien propju f’dawn il-jiem li għażel li jippubblikah.
Fl-editorjal tagħha, The Sunday Times qalet li fl-2012, immigrant mill-Mali inqatel brutalment waqt li kien f’ċentru ta’ detenzjoni. L-aħħar ħaġa li jridu jaraw dawk il-persuni li jgħożżu d-drittijiet tal-bniedem hu li dan ir-rapport, flok iwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet f’dawn iċ-ċentri, jintuża bħala arma politika.
Jgħid ukoll li hu xokkanti li l-Gvern, għax kien taħt assedju dwar il-każ Manwel Mallia, għażel propju dan il-mument biex ipoġġi r-rapport tal-Imħallef Geoffrey Valenzia fuq il-mejda tal-kamra u li kien ilu fuq l-ixkaffa għal kważi sentejn.
Anki l-Editorjal ta’ The Malta Independent iddeplora din il-mossa ta’ Muscat fil-Parlament bħala wahda biex tneħħi l-attenzjoni fuq il-każ Manwel Mallia. Din ir-reazzjoni negattiva ħarġet minn tmien għaqdiet mhux governattivi li fi stqarrija qalu li r-reati msemmija, u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport baqgħu fuq l-ixkaffa minn Diċembru 2012.
L-għaqdiet mhux governattivi komplew li wara l-bidla fil-Gvern f’Marzu tas-sena li għaddiet, it-taħdidiet li kien hemm dwar titjib fil-kundizzjonijiet fiċ-ċentri ta’ detenzjoni waqfu ħesrem għal kważi sentejn.
L-Editorjal itemm bit-tama li issa li r-rapport ra d-dawl tax-xemx, tittieħed azzjoni dwaru u mhux ikun ippublikat biss sabiex il-Gvern jipprova jieħu gwadann politiku minnu.
Anki l-Alternattiva Demokratika ikkritikat bl-aħrax il-mod kif Muscat ippubblika dan ir-rapport. Biċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola jgħid li l-uniku raġuni għalfejn Muscat ħareġ dan ir-rapport kienet għax sab ruħu daħru mal-ħajt.
//= $special ?>