Lokali

Filmat: Oppożizzjoni effettiva u kredibbli

Dak li ġara fl-aħħar jiem kompla jikkonferma kemm l-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija effettiva u kredibbli. Din il-ġimgħa, l-ħidma tal-Oppożizzjoni waslet għall-waqgħa ta’ wieħed mill-aktar Ministri ewlenin tal-Gvern ta’ Joseph Muscat. Pero’ dan kien pass ieħor wara li l-Gvern kellu jagħmel u-turn dwar id-deċiżjoni tal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali wara l-pressjoni mill-Oppożizzjoni.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt seminar f’Għawdex organizzat mill-Kumitat Reġjonali għal Għawdex bit-tema “Xogħol f’Għawdex – Meta? Kif? Fejn?”.

Huwa ċar, sostna Simon Busuttil, li l-Oppożizzjoni qed turi kemm hi effettiva u kredibbli. “Qed niproponu liġijiet ġodda f’ħafna oqsma u anke diversi mozzjonijiet, waqt li qed naqdu d-dmir ewlieni ta’ Oppożizzjoni, li nżommu l-Gvern ta’ Muscat responsabbli għal għemilu,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

B’referenza għall-cover-up dwar l-isparatura tax-xufier ta’ Manuel Mallia, Simon Busuttil qal li f’dan il-cover-up kienu nvoluti bosta uffiċjali tal-Gvern, inkluż l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, għalkemm il-Prim Ministru qed jgħid li ma kienx jaf għax mar jorqod.

Hija din il-problema, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li għandna Prim Ministru rieqed quddiem l-abbuż tal-poter. “Muscat ibbaża l-karriera tiegħu fuq gidba u għalhekk hu dgħajjef quddiem sħabu.”
Dwar Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm diversi modi ta’ kif wieħed jaħdem biex f’Għawdex jinħoloq xogħol għall-Għawdxin. Fost l-oħrajn, hu semma l-investiment fit-teknoloġija, fit-turiżmu, kif ukoll bħala tkabbir ekonomiku ambjentali.

Simon Busuttil temm id-diskors tiegħu billi wiegħed li l-politika tiegħu tibqa’ waħda onesta u viċin in-nies. “Il-politika tiegħi tfisser kif ix-xogħol tajjeb b’pagi tajbin, anke f’Għawdex, irid jinħoloq minn industrija privata vibranti li tiġi f’Malta u f’Għawdex bil-ħsieb u l-għaqal tal-Gvern li jaħseb għall-inċentivi u għall-korsijiet biex ikunu ħaddiema u żgħażagħ Għawdxin u Maltin li jsibu impjiegi f’industriji ġodda.”

“Minkejja li seta’ kien hemm min iddubita mill-politika onesta tagħna, llum għandna konferma ta’ kemm kapaċi nistgħu naslu b’din it-tip ta’ politika. Rajna l-maskla tal-Gvern taqa’ u dak li deher warajha xejn ma kien sabiħ. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jibda jkun alternattiva b’saħħitha li toffri politika onesta,” temm jgħid Simon Busuttil.

Siltiet mid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni jinsabu fil-filmat mehmuż.