Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt

Awstraljan ta’ 44 sena tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu u baqa’ dieħel ġo arblu fi Triq il-Missjoni Taljana, il-Kalkara. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tmienja u għaxra, ilbieraħ filgħaxija.

Il-vittma kien qiegħed isuq karozza tal-għamla Smart Roadster fid-direzzjoni lejn ix-Xgħajra.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard il-vittma ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Il-Maġistrat tal-Għassa ġie infurmat bil-każ u ħatar diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.