32 li kienu qed ifittxu xogħol jiddaħħlu mal-entitajiet tal-ġustizzja u l-kultura
Minn tweġibiet li qed jagħti l-Gvern fil-Parlament għal mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar l-impjiegi fis-settur pubbliku minn wara l-elezzjoni ta’ Marzu tas-sena l-oħra, qed jirriżulta kif il-Gvern impjega aktar nies li kienu fuq ir-reġistru tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC).
Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali impjega 87 ħaddiema mal-entitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-Ġustizja u l-Kultura, filwaqt li impjega 91 oħra mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Mis-87 ħaddiema fl-entitajiet tal-ġustizzja u tal-kultura, 36 ġew impjegati minn entità pubblika, 19 minnhom ġew impjegati mill-privat u 32 minnhom kienu qegħdin ifittxu xogħol.
Dawn iċ-ċifri ngħataw bħala risposta għall-mistoqsija tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, li staqsa lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, inkluż dipartimenti tal-Gvern, entitajiet pubbliċi u awtoritajiet, mid-9 ta’ Marzu 2013 lil hawn.
Fir-rigward tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali ġew impjegati 91, li 59 minnhom bħala Local Council Administration Staff u Local Council Staff, li dwarhom il-Ministru Owen Bonnici ma tax informazzjoni minn liema entitajiet ġew jew jekk ġewx mill-privat jew kinux qed ifittxu xogħol.
Kien hemm ukoll disa’ impjiegi oħra bħala membri tal-istaff tal-Kumitat Reġjonali u li kollha ġew mill-privat.
L-informazzjoni li ta l-Ministru Owen Bonnici ssegwi r-risposta li ta l-Prim Ministru Joseph Muscat li kkonferma li mill-elezzjoni ta’ Marzu 2013 u l-1 ta’ Ottubru ta’ din is-sena, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienu impjegati aktar minn 160 persuna, li 58 persuna kienu minn barra s-settur pubbliku, fejn kien hemm 24 li ġew mill-privat u 34 li kienu qed ifittxu xogħol.
Minn dawk l-34 li kienu qed ifittxu xogħol u ngħataw impjieg mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, 25 iddaħħlu fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA.
//= $special ?>