Ekonomija Lokali

Edward Scicluna jibqa’ sieket wara li ġie żvelat li ma ppreżentax l-accounts tal-kumpanija tiegħu

Fl-aħħar jiem, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna baqa’ b’fommu sieket wara li l-Ġimgħa li għadda l-ġurnal In-Nazzjon żvela kif Edward Scicluna ma ppreżentax l-accounts tal-kumpanija tiegħu għall-aħħar ħames snin. Fil-ħarġa tal-lum, In-Nazzjon fakkar li dan ma kienx l-ewwel każ li Scicluna għamel hekk, tant li f’Mejju li għadda l-Ministru tal-Finanzi kien iddikjara li ma kienx jaf li jrid jagħmel dikjarazzjoni tal-assi bħala Membru Parlamentari.

Meta kien mistoqsi dwar dan, għall-ewwel Scicluna qal li ma jidhirlux li ma ppreżentax id-dikjarazzjoni tiegħu, iżda ftit tas-sekondi wara bidel il-verżjoni billi qal li kien taħt l-impressjoni li d-dikjarazzjoni tal-assi bħala Ministru kienet biżżejjed minflok dik ta’ Membru Parlamentari. Dakinhar, il-Ministru Scicluna qal li kien mingħalih li l-Membri tal-Kabinett huma esklużi mid-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Membri Parlamentari, minkejja li l-Kodiċi tal-Etika tal-Membri Parlamentari jitlob dan.

Kif irrapporta In-Nazzjon il-Ġimgħa li għadda, Edward Scicluna ilu mill-2008 ma jissottometti l-accounts tal-kumpanija tiegħu, li fiha hu l-uniku Direttur u flimkien ma’ martu hu l-uniku azzjonist. Il-kumpanija, Applied Economics Consulting Ltd, tidher fil-lista ta’ assi li l-Ministru ppreżenta fil-Parlament. Dokumenti li għandu f’idejh il-ġurnal In-Nazzjon juru li l-Ministru Scicluna huwa wkoll l-uniku direttur ta’ din il-kumpanija.

Skont il-Liġi dwar il-Kumpaniji, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ kumpanija għandhom jiġu ppreżentati mal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) sa 10 xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja. Fil-każ li dan ma jseħħx, u wara li jinqabeż ukoll grace period ta’ 42 ġurnata, ir-Reġistratur tal-Kumpaniji jimponi multi fuq il-kumpanija. Mhux magħruf jekk s’issa l-Ministru Scicluna ħallasx il-multi applikabbli talli ilu daqstant snin ma jippreżenta l-accounts tal-kumpanija tiegħu.

Sadanittant, għadu mhux magħruf għaliex Edward Scicluna għadu ma ppreżentax id-dikjarazzjonijiet għal dawn is-snin. Fl-aħħar sena li għalihom ġew ippreżentati l-accounts, il-Ministru Edward Scicluna ddikjara bejgħ ta’ aktar minn €60,000. Min-naħa tiegħu, qabel l-elezzjoni ġenerali, Joseph Muscat kien saħaq fuq l-akkontabbiltà u li l-politiċi għandhom ikunu ta’ eżempju tajjeb għall-bqija tal-poplu.