Kif saret it-tradizzjoni, l-1 ta’ Jannar se jkun ukoll il-jum li fih se tittella’ l-“Festa ta’ Ġenerożità” minn “RTK for Charity”, b’risq id-Dar tal-Providenza. Dettalji dwar il-maratona ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar tal-Providenza u li kienet indirizzata mid-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef.
Skop ewlieni tal-“Festa ta’ Ġenerożità” hu li jinġabru fondi biex ikun jista’ jibqa’ għaddej is-servizz li toffri d-Dar tal-Providenza, li kull sena għandha bżonn kważi €4 miljun biex tkompli topera. Għan ieħor tal-“Festa ta’ Ġenerożità” hu biex ikompli jitwassal il-messaġġ li s-soċjetà tkompli titratta b’dinjità lill-persuni b’diżabbiltà u biex il-pubbliku jkun jista’ jara xi proġetti speċjali saru jew qed isiru fid-Dar tal-Providenza.
Il-“Festa ta’ Ġenerożità” se tkun qed tfakkar ukoll il-bidu tas-sena, li fiha d-Dar tal-Providenza se tagħlaq 50 sena mit-twaqqif tagħha, kif ukoll se tinkludi spettaklu li se jittella’ taħt tinda apposta fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza. Bħas-snin l-imgħoddija, il-“Festa ta’ Ġenerożità” se tixxandar LIVE fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni, fosthom NET Television.
Radio 101 tkellem mad-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef dwar il-proġetti li saru matul din is-sena, kif ukoll dwar il-proġetti ppjanati għas-sena d-dieħla.
//= $special ?>