Futbol Sport

Hibernians ikabbru l-vantaġġ f’ras il-klassifika

Hibernians……………..3
Valletta…………………1

Hibernians: H. Bonello, R. De Gracia Gomes, R. Soares, M. Dias, A. Cohen, B. Kristensen, C. Failla, J. Bezzina, A. Agius, E. Luis Dos Santos, J. Pereira Da Silva

Sost: J. L. Siqueira flok M. Dias 67 min., T. Tabone Desira flok A. Cohen 82 min., J. Perason flok J. Bezzina 90 min.

Valletta: J. Caruana, I. Azzopardi, S. Borg, R. Camilleri, R. Fenech, R. Briffa, L. Elford-Alliyu, H. Barry, S. Bajada, N. G. Vella, A. Nafti

Sost: L. Dimech flok A. Nafti 34 min., H. Faria flok L. Elford-Alliyu 58 min., L. Cremona flok S. Bajada 60 min.

Skurjaw: L. Elford-Alliyu 22 min. (V), A. Cohen 51 min., J. P. Da Silva 56 min., 90 min. (H)

Imwissija: R. Fenech 33 min., 37 min., H. Barry 56 min., L. Dimech 76 min., R. Briffa 79 min. (V), A. Agius 42 min., R. Soares 85 min. (H)

Tkeċċew: J. Caruana 31 min., R. Fenech 37 min.

Referee: Mario Apap

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: A. Cohen (H)

Hibernains jinsabu xxamplati fil-quċċata tal-Premier, b’vantaġġ ta’ ħmistax-il punt fuq Valletta, wara li l-Ħadd għelbu lill-istess Valletta f’partita kontroversjali.

Iż-żewġ timijiet qattgħu l-ewwel minuti tal-partita jistudjaw lil xulxin u kien biss fit-18-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota. Barry nġieb waħdu bi kross ta’ Bajada lejn it-tieni lasta, bil-plejer mill-Gambja tefa’ għoli.

Valletta komplew jippressaw u fit-22 minuta ġew ippremjati b’gowl minn azzjoni maħduma tajjeb. Fenech bi dribbling tajjeb, għadda lejn ELFORD-ALLIYU li kkontrolla l-ballun, dar u xxuttja ġewwa.

Valletta komplew jattakkaw u fid-29 minuta kellhom gowl imħassar. Barry għadda lejn Nafti li tefa’ fix-xibka minn pożizzjoni nġustiment iġġudikata rregolari. Id-difiża ta’ Hibernians għal darb’oħra żbilanċjata.

Fil-31 minuta tkompli l-kontroversja u tinbidel il-logħba. Jonathan Caruana qala’ ħamra diretta wara li xejjer daqqa ta’ sieq f’sider Marcelo Dias. U fis-37 minuta, Dias għal darb’oħra jwassal għat-tieni tkeċċija Beltija hekk kif Ryan Fenech għamel sliding tackle fuq il-Brażiljan, u qala’ t-tieni fi ftit minuti.

Valletta b’disa’ plejers, u mingħajr attakkanti wara s-sostituzzjonijiet, tilfu l-kontroll tal-partita. Hibernians fuq l-attakk. Tarabai b’xutt ċentrali minn barra l-kaxxa fit-42 minuta. Salvat minn Vella.

Fit-tieni taqsima Valletta komplew isofru, u iktar m’għadda l-ħin iktar bdew iħossu l-iżvantaġġ numeriku. U fil-51 minuta pattew qares meta Camilleri ta clearance ħażina, il-ballun wasal għand COHEN li kkontrolla tajjeb u b’xutt mill-isbaħ għeleb lil Vella.

Fis-56 minuta Hibernians dawru r-riżultat. Azzjoni personali ta’ Cohen li ppenetra d-difiża Beltija, għadda lejn Jorge PEREIRA li kompla għal ġewwa.

U fil-bidu tal-ħin miżjud, PEREIRA għalaq il-partita bid-doppjetta personali meta rċieva l-ballun wara kontrattakk u għadda l-ballun minn taħt Vella.

Fi tmiem il-partita jkomplu l-protesti tal-Beltin. Mhux magħrufa r-raġuni għaliex il-partita tmexxiet minn terna arbitrali mmexxija mir-referee Mario Apap.

Dan meta skont stqarrija uffiċjali tal-MFA ppublikata l-Ġimgħa li għadda, il-partita bejn Hibernians
u Valletta kellha tiġi rreffjata minn referees mill-Ġorġja. Minflok dawn ikkontrollaw il-partita bejn Qormi u Sliema Wanderers.