Ħarsa lejn il-faċċati tal-ġurnali tat-Tnejn 15 ta’ Diċembru 2014:
IN-NAZZJON – B’rapport estensiv fil-faċċata b’rabta mal-fatt li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fl-aħħar jiem baqa’ b’fommu sieket wara li IN-NAZZJON stess żvela kif l-istess Edward Scicluna ma ppreżentax l-‘accounts’ tal-kumpanija tiegħu għall-aħħar ħames snin. Fil-fatt, l-accounts tal-kumpanija Applied Economics Consulting Lts ilha sa’ mill-2008 ma tissottometti l-accounts tagħha. F’din il-kumpanija, Edward Scicluna hu l-uniku Direttur u flimkien ma’ martu hu l-uniku azzjonist. Tippubblika wkoll dokumenti li jikkonfermaw dawn id-dettalji.
L-ORIZZONT – B’żewġ rapporti ewlenin fil-faċċata, wieħed jitkellem dwar kif l-immodernizzar tal-pompi tal-petrol waqa’ lura hekk kif f’Malta hawn biss erba’ persuni li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol, tgħid l-ORIZZONT. Rapport ieħor jirrapporta investiment ta’ €60 miljun għan-negozji żgħar u medji minn programm li mistenni jiġi approvat illum mill-Unjoni Ewropea.
TIMES OF MALTA – Rapport jgħid li l-proġetti tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-problema tat-traffiku mistennija joħolqu konġestjonijiet kbar fix-xhur li ġejjin hekk kważi kollha jridu jkunu lesti fl-istess żmien. Fi storja separata, tirrapporta lill-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li ma nistgħux nitrattaw l-immigranti bħall-annimali. Rappurtati ukoll aktar dettalji minn diskors li għamel il-Prim Ministru l-Ħadd waqt l-aħħar laqgħa tal-‘Gvern li Jisma”.
THE INDEPENDENT – Tirrapporta partijiet mid-diskors tal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt l-attivita’ ‘Gvern li Jisma” li l-Ħadd saret fis-Siġġiewi. Fil-faċċata ta’ The Malta Independent issir ukoll referenza għall-artiklu li jidher fil-ħarġa tal-lum stess ta’ din il-gazzetta, minn Marlene Farrugia, li fih tgħid li l-istil ta’ Gvernar ġdid xorta mhux qed jilħaq l-aspettattivi. L-artiklu tagħha hu intitlat ‘The Governance of our Dreams’.
//= $special ?>