Lokali

Il-Gvern għandu jippubblika l-kuntratti kollha dwar l-enerġija

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jieqaf jaħbi l-kuntratti li hu u l-Ministru Konrad Mizzi ffirmaw minn Marzu 2013 sal-lum u jippubblikahom mill-aktar fis possibli. Hu biss meta dawn il-kuntratti jkunu ġew ippubblikati kollha li jista’ jsir dibattitu kif jixraq fil-Parlament. Qabel ma tagħmel analiżi ta’ dawn il-kuntratti, l-Oppożizzjoni ma tista’ qatt tiddiskuti xi ħaġa li m’għandiex aċċess għaliha.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco f’konferenza tal-aħbarijiet, li fiha insista li l-Gvern għandu jieqaf jidħaq bin-nies u jgħid li ppubblika l-ftehim li għamel mal-Gvern Ċiniż. Dak li ppubblika l-Gvern hu biss investment agreement u ma fihx id-dettalji li jkun fih kuntratt bħal dak.

Fost l-affarijiet mid-dokument li ppubblika l-Gvern hemm ir-rati u d-dati tal-konverżjoni għall-gass, id-dati għall-ħlasijiet u l-iskadenzi tal-ftehim, kif ukoll referenza għall-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta. Mario de Marco qal li l-Gvern ma jistax jistenna li l-Oppożizzjoni tiddiskuti l-kuntratti li hu ffirma dwar l-enerġija mingħajr ma tkun għamlet analiżi tagħhom.

Il-Viċi Kap Nazzjonalista sostna li fost il-kuntratti li għadhom ma ġewx ippubblikati hemm il-ftehim tax-xiri tal-impjant tal-BWSC mill-Gvern Ċiniż, is-seven-year business plan tal-Korporazzjoni Enemalta, il-power-purchase agreement bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ċiniż, il-ftehim mal-konsorzju Electrogas dwar il-bini tal-Power Station il-ġdida, u anke l-power-purchase agreement bejn il-Gvern Malti u l-Electrogas.

Mario de Marco qal li hu f’dan l-ispirtu li l-Oppożizzjoni qed tinsisti mal-Gvern li qabel ma jsir dibattitu fil-Parlament, jippubblika l-kuntratti kollha li ffirma fis-settur tal-enerġija.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Tonio Fenech u l-Kelliem għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino.